Raġel bla saqaf fuq rasu ngħata sentenza ta’ għomru l-ħabs wara li sawwat u qatel mara b’mazza jumejn wara li tagħtu kenn f’darha għax ma kellux fejn joqgħod. Il-vittma, Victoria Adams, ta’ 37 sena, instabet mejta fl-appartament tagħha f’Hammersmith, fil-punent ta’ Londra, fid-9 ta’ Frar wara li l-pulizija rrispondew għal rapporti ta’ raġel li pprova jidħol f’dar bil-forza.
Apapale Adoum, ta’ 39 sena, ammetta l-ħtija tal-qtil tagħha u ngħata sentenza ta’ għomru l-ħabs b’terminu minimu ta’ 21 sena nhar il-Ħamis.
L-Imħallef tal-Qorti f’Old Bailey, Nigel Lickley qal li Adoum kien ittradixxa t-tjubija u n-natura ġeneruża ta’ Victoria Adams u wara li offrietlu post fejn joqgħod kienet suġġetta għal attakk “brutali u selvaġġ” meta talbitu biex jitlaq minn darha.
Fil-Qorti ntqal li Adoum kien iltaqa’ ma Adams, omm ta’ erbat itfal, fis-6 ta’ Frar, f’xelter għall-persuni mingħajr saqaf fuq rashom jumejn qabel attakkaha b’mazza b’forza u qatilha.
Skont il-Prosekutur li mexxa l-każ kontra Adoum, l-akkużat kellu storja ta’ vjolenza u kien qed iġorr żewġ skieken u turnavit meta ġie arrestat. Huwa qal li Adams kienet qed tipprova tgħinu u li kienet ukoll se toffrilu protezzjoni minn traffikanti tad-droga lokali li kienu qed jhedduh.
Hija nstabet mejta wiċċha ’l isfel f’kamra tas-sodda b’borża taż-żibel fuq rasha li kienet mgħottija b’imħadda. Adams kienet sofriet mill-inqas 10 ġrieħi fuq wara u fil-ġenb ta’ rasha wara li qalgħet daqqiet b’oġġett ċatt, li jingħad li kien mazza li nstabet bid-demm u d-DNA tal-vittma.

