Saturday, December 21, 2024

Ghost kien ħareġ 30 sena ilu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħal nhar it-Tnejn li ġejjin, ta’ tletin sena ilu, kien iddebutta fit-teatri Amerikani l-film “Ghost”.  Hawn Malta konna rajnih tmien xhur wara, f’Marzu 1991.

Il-problema li jkollhom ħafna films dwar l-ispirti hi li wara ftit tal-ħin, jaqgħu żorba.  Ejjew ma neskludix li “Ghost” ma kellux il-clichés ukoll. Imma dak li jagħmel “Ghost” film aktar memorabbli minn films oħra hi r-relazzjoni romantika bejn Sam (bħala spirtu) u Molly (bħalha l-mara li għadha tħobbu u li hi f’periklu imminenti).  Il-mezz ta’ komunikazzjoni bejniethom it-tnejn issir permezz tal-psikika Oda Mae Brown.

Barra li għandek narrattiva interssanti, “Ghost” għandu għażla ta’ karattri li jaqilgħu sew il-parti atgħhom.

Bħal ma jiġri spiss, il-parti ta’ Sam Wheat ma ġietx offruta mill-ewwel lil Patrick Swayze.  Kien il-kittieb tal-iskript Bruce Joel Rubin li ssuġerixxa mill-ewwel lil Swayze.  Il-kumpanija Paramount u anke d-direttur Jerry Zucker insistew li jkollhom attur b’isem aktar b’saħħtu fil-box office.  Allura nsibu lista twila ta’ atturi li kollha ġew offruta din il-parti, fosthom: Nicolas Cage, Tom Cruise, Johnny Depp, Mel Gibson, Tom Hanks, John Travolta u Bruce Willis.  Kollha rrifjutaw il-parti prattikalment għall-istess raġun: dehrilhom li jekk jinterpritaw parti fejn għal bosta ħin ikunu bħala spirtu, l-film qatt ma jista’ jkun suċċess.  Kollha kienu żbaljati.  Il-film kellu dħul ta’ aktar minn $205 miljun fl-Istati Uniti u kien il-film numru wieħed tal-1990.  “Ghost” għadda lil “Pretty Woman” fit-tieni post b’aktar minn $35 miljun.

Demi Moore ġiet magħżula għax għandha ħila partikolari: kapaċi toħroġ id-dmugħ miż-żewġ għajnejn meta trid!  Hi għandha l-parti ta’ Molly Jensen.

Kien Patrick Swayze li ppropona lil Whoopi Goldberg għall-parti ta’ Oda Mae Brown.  Taqlagħha sew il-parti u anke toffri dawk il-mumenti ħelwin biex tikser b’mod intelliġenti t-tensjoni li joħloq il-film.  

Fl-istorja, Sam Wheat ikun konsulent fuq l-investimenti. Huwa jisfa’ maqtul bil-lejl.  Madankollu, Sam jibqa’ bħala spirtu fid-dinja tagħna sabiex josserva u jipproteġi lill-maħbuba tiegħu Molly, mbikkma bit-telfa tal-maħbub tagħha.

Sam ikollu informazzjoni importanti x’jikkomunika ma’ Molly: il-qtil tiegħu ma kienx koinċidentali imma premeditat minn qattiel mqabbad.  Sam kien wasal biex isib tarf ta’ skema multi-miljunarja ta’ ħasil ta’ flus li ġejjin mid-droga. Ħajjet Molly kienet ukoll fil-periklu.

Biex Sam ikun jista’ jikkomunika ma’ Molly, huwa juża lill-psikika Oda Mae Brown.  Waħda mill-isbaħ xeni emozzjonali tal-film hi meta Sam ikun kapaċi jdħol fil-ġisem ta’ Oda Mae biex juża l-preżenza fiżika tagħha u jkun jista’ jmelles lil Molly.

Madankollu, x-xena li naħseb kulħadd għadu jiftakar minn kull min ra dan il-film, hi x-xena meta Demi Moore tkun liebsa libsa bajda, qegħda tagħmel vażun twil tat-tafal u tindaqq il-kanzunetta ‘Unchained Melody’.  Jidħol Patrick Swayze liebes jeans blu biss.  Jibda imellisilha idejha u l-vażun jitgħaffeġ.  Flimkien, b’idejhom mimlija tajn jerġgħu jippruvaw jagħmlu xi ħaġa bit-tafal, hekk kif jerġgħu jibdew ibusu lil xulxin.  Din ix-xena sseħħ qabel Sam jinqatel.

“Ghost” rebaħ żewġ Oscars: għall-aħjar screenplay u l-oħra għal Whoopi Goldberg bħalha l-aħjar attriċi f’parti sekondarja.  Imma l-istatwetta li ngħatat għaddiet minn avventura kbira 11-il sena wara. Fit-2 ta’ Frar, 2002, Goldberg iddeċidiet li tnaddaf din l-istatwetta u allura bgħatitha il-fabbrika ta’ R.S. Owens Co. f’Chicago, fejn isiru l-istatwetti kollha tal-Oscars. L-istatwetta qatt ma waslet fid-destinazzjoni u bdiet tfittxija kbira għaliha. Tlitt ijiem wara instabet f’riċipjent tal-iskart fl-ajrupart ta’ Ontario, Kalifornja.

Ekonomija

Sport