Monday, May 12, 2025

Għotja oħra sa €9,000 mifruxa fuq tliet snin

Imnedija l-iskema “Ixtri Proprjetà Sostenibbli”

Aqra wkoll

“Ixtri Proprjetà Sostenibbli” hi skema ġdida li permezz tagħha dawk li se jixtru proprjetà li hi konformi mal-istandards ta’ sostenibbiltà, se jkunu qed jirċievu għotja ta’ bejn €4,500 u €9,000 maqsuma fuq it-tliet snin li ġejjin.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, hekk kif se tkun l-istess Awtorità li se tmexxi din l-iskema.

“F’konformità mal-Viżjoni Malta 2050, din l-iskema tifforma parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-Gvern qed jimplimenta biex aktar persuni f’pajjiżna jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom — b’mod li jkun sostenibbli u favur l-ambjent. Din l-iskema hija miftuħa għal kulħadd, inkluż dawk li huma first-time kif ukoll second-time buyers, b’din l-aħħar skema tinċentiva l-akkwist ta’ binjiet sostenibbli,” qal il-Ministru Attard.

Dawn filwaqt li spjega kif meta wieħed jikkalkula l-għajnuniet kollha flimkien, dawn il-persuni jistgħu jkunu eliġibbli għal kważi €30,000 f’għajnuna diretta, li jinkludu: l-għotja ta’ €10,000 lil min qed jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tal-proprjetà, u l-għajnuna finanzjarja l-ġdida taħt din l-iskema, li tvarja skont il-livell ta’ effiċjenza fl-enerġija tal-proprjetà.

Il-Ministru Attard żied jgħid li din l-iskema għandha l-għan li tkabbar id-domanda għal proprjetajiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u allura, se tkun qed tgħin ukoll sabiex l-istokk tal-bini li se jinbena fis-snin li ġejjin ikun wieħed sostenibbli. Permezz ta’ dan, il-Ministru Attard spjega, li pajjiżna jkun jista’ jkompli fit-triq li qabad sabiex jilħaq il-miri Ewropej stabbiliti għal bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Intqal ukoll kif dawk li xtraw proprjetà sostenibbli mill-1 ta’ Jannar ta din is-sena ’l quddiem se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal din l-iskema li se tinfetaħ nhar it-Tnejn, 19 ta’ Mejju, 2025. Il-propjetà trid tinxtara sal-aħħar ta’ Settembru 2025, meta tagħlaq l-iskema.

Is-sidien il-ġodda ta’ proprjetajiet li huma klassifikati bħala Net Zero, jew aħjar dawk il-propjetajiet li jiġġeneraw iżjed enerġija milli għandhom bżonn bħala konsum, se jkun qed jirċievu l-ammont ta’ €3,000 fis-sena, fuq tliet snin, għat-total ta’ €9,000. Filwaqt li dawk li l-proprjetà tagħhom hi waħda li hi 20% aħjar minn dak rikjest mill-istandards Ewropej, li għandhom x’jaqsmu mal-enerġija, se jkunu qed jirċievu l-għotja ta’ €1,500 fis-sena, għal tliet snin, b’total ta’ €4,500.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li ma’ kull applikazzjoni jrid jiġi sottomess il-kuntratt finali tax-xiri tal-proprjetà u l-Energy Performance Certificate tal-binja hekk kif mibnija, u allura mhux dak ibbażat fuq id-disinn tal-binja. Huwa qal li applikazzjoni waħda għal kull binja, u applikazzjoni waħda għal kull persuna se jiġu aċċettati.

“Fl-aħħar snin l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kienet katalista sabiex l-istokk tal-bini eżistenti u dak li nbena jkun wieħed sostenibbli u li jilħaq l-istandards Ewropej. Fil-fatt, l-Awtorità għandha sezzjoni li tiżgura li dan il-bini jkun f’konformi mal-istess standards. Permezz ta’ din l-iskema se mmorru pass oltre u ċoè li ngħinu lil dawk li se jixtru proprjetà jagħżlu waħda li tkun sostenibbli u allura tuża anqas enerġija meta tkun abitabbli,” temm jgħid il-Perit Roderick Bonnici.

Intant, l-iskema se tkun qed tiftaħ għall-pubbliku minn nhar it-Tnejn li ġej, 19 ta’ Mejju. L-applikazzjonijiet se jkunu qed jintlaqgħu b’mod elettroniku minn fuq is-sit bca.gov.mt. Minkejja li l-iskema se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Settembru li ġej, l-Awtorità tista’ tagħlaq l-istess skema qabel jekk kemm il-darba l-fondi allokati jkunu ġew eżawriti. Għal iżjed informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 138.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport