Monday, May 13, 2024

Għotja ta’ €150 għall-xiri ta’ e-kick scooters privati

Aqra wkoll

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, ħabbar it-tnedija ta’ programm ġdid ta’ inċentivi finanzjarji li jippromwovu għażliet ta’ trasport aktar nodfa u sostenibbli. Din l-inizjattiva, maħruġa minn Transport Malta, għandha l-għan li tħeġġeġ l-użu ta’ aktar vetturi b’emissjonijiet żero u tnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tat-traffiku f’pajjiżna.  

Il-Ministru Chris Bonet, qal li għalkemm il-kiri tal-e-kick scooters ġie mwaqqaf, l-użu tal-e-kick scooters privati se jibqgħu permissibbli u nkoraġġiti bħala mezzi alternattivi u sostenibbli ta’ trasport. 

“Se nkomplu ninvestu u ninċentivaw lil min jagħżel li juża mezzi alternattivi ta’ trasport li jħarsu aktar l-ambjent tagħna. Wara li diġà ħabbarna inċentivi finanzjarji għal vetturi elettriċi, qegħdin inħabbru skemi ġodda fejn jidħlu x-xiri tal-e-kick scooters privati,” kompla jgħid il-Ministru. 

Huwa tenna li din l-iskema, flimkien ma’ inizjattivi oħra diġà implimentati, tenfasizza l-impenn tal-gvern biex jippromwovi politika favur l-ambjent u jagħmel differenza tanġibbli fil-qasam tat-trasport alternattiv.

Kull individwu li jixtri e-kick scooter ġdid għall-użu personali u jirreġistrah ma’ Transport Malta se jkun eliġibbli għal inċentiv finanzjarju ta’ €150. 

L-applikazzjonijiet u aktar informazzjoni dwar l-iskema se jkunu disponibbli mil-lum il-Ġimgħa 1 ta’ Marzu u jistgħu jinkisbu mill-uffiċċji ta’ Transport Malta jew online mill-website ta’ Transport Malta www.transport.gov.mt.

Sport