Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar proġett ta’ binja fin-Naxxar li qed jitwettaq mill-Fondazzjoni Caritas. Il-proġett huwa parti mill-inizjattiva ta’ djar speċjalizzati tal-Awtorità tad-Djar, bl-Awtorità tagħti għotja ta’ €730,000 lill-Caritas għat-twettieq tiegħu.
Il-proġett se jipprovdi akkomodazzjoni sigura u ta’ dinjità lil nisa li wara r-riabilitazzjoni tagħhom mid-droga jew sustanzi oħra, ikunu jridu jintegraw fis-soċjetà iżda jkun għad iridu jibbenefikaw minn gwida u minn ambjent stabbli li twassal għal bidla reali f’ħajjithom. It-tmexxija tal-binja u s-servizzi pprovduti se jkunu kollha f’idejn il-Caritas.
Waqt li ra l-progress tax-xogħlijiet tal-binja, flimkien mad-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, il-Ministru Galdes irrefera għal kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Qal li l-proġett huwa xhieda ta’ mudell fejn istituzzjonijiet governattivi u s-settur tal-volontarjat jikkumplimentaw lil xulxin.
Il-Ministru Galdes sostna li id f’id mal-Caritas qed tinbena infrastruttura soċjali li tgħin u tappoġġja individwi biex jagħmlu l-passi tagħhom fit-triq lejn integrazzjoni soċjali.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, irringrazzja lill-Awtorità tad-Djar għal din il-kollaborazzjoni, li se tissarraf f’għajnuna kritika sabiex persuni riabilitati mid-droga jieqfu fuq saqajhom. Dan il-proġett se jagħtihom pedament sod li minnu jkunu jistgħu jintegraw fis-soċjetà bħala persuni sħaħ.
Permezz ta’ dan il-proġett, persuni li jkunu temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni u li, għal xi raġuni jew oħra, ma jkollhomx fejn joqogħdu, ikunu jistgħu jgħixu f’din il-binja għal perjodu temporanju ta’ bejn sitt xhur u massimu ta’ sentejn, skont il-bżonnijiet individwali tagħhom. Matul dan il-perjodu, huma jkunu jistgħu jintegraw lura fis-soċjetà b’serħan il-moħħ li għandhom saqaf fuq rashom, sabiex imbagħad jgħaddu għal ħajja indipendenti. Dan il-proġett ta’ akkomodazzjoni appoġġjata u ta’ servizzi ta’ aftercare se jagħti prijorità lin-nisa, lin-nisa bit-tfal, kif ukoll liż-żgħażagħ.

