Saturday, December 21, 2024

Gianluigi Donnarumma mhuwiex kuntent ma’ Paris St-Germain

Aqra wkoll

Skond diversi rapporti fl-Italja, il-goalkeeper Gianluigi Donnarummamhuwiex kuntent ma’ Paris St-Germain, u għalhekk Juventus jistgħu jibdlu fehmithom, waqt li jippruvaw jiffirmawh fis-sajf li  ġej.

Donnarumma ngħaqad mal-ġganti ta’ Ligue 1 bi trasferiment ħieles minn Milan fis-sajf li għadda.

Madankollu, huwa lagħab biss żewġ logħbiet mis-seba’ li lagħbu dan l-istaġun il-Pariġini u skond Il Corriere della Sera u La Gazzetta dello Sport, iż-żagħżugħ ta’ 22 sena mhuwiex kuntent mal-club meta kien jistenna li jkollu iktar ħin ta’ logħob.

L-aġent tiegħu Mino Raiola dan l-aħħar ikkonferma li kien ilu f’taħditiet ma’ Juventus qabel ma Donnarumma mar Pariġi.

Il-Bianconeri ddeċidew li ma jiffirmawx lill-ex goalkeeper ta’ Milan għax ma setgħux isibu xerrej għal Wojciech Szczesny li qiegħed fuq kuntratt ta’ €7 miljun fis-sena fl-Allianz Sta­dium sa Ġunju 2024.

Uffiċjalment, il-Bianconeri jsostnu li ma riedux jinfirdu mill-ex player ta’ Arsenal li kien ingħaqad magħhom fl-2017.

“Ma ridniex li jkollna żewġ goalkeepers tal-ogħla klassi fit-team,” spjega d-direttur Federico Cherubini ftit ġimgħat ilu.

Madankollu, skond Il Corriere della Sera, il-Bianconeri jistgħu jibdlu fehmithom fis-sajf.

Huma konxji li Donnarumma mhuwiex kuntent fil-club il-ġdid tiegħu u, għalhekk, jistgħu jagħmlu tentattiv biex jiffirmawh fl-aħħar tal-istaġun.

Donnarumma rebaħ l-unur ta’ Player tat-Tournament tal-Euro 2020 wara li salva penalties deċiżivi fis-semi-finali kontra Spanja u fil-finali kontra l-Ingilterra minbarra li kien ta’ serħan ir-ras għal sħabu matul it-tournament kollu.

Ekonomija

Sport