Saturday, December 21, 2024

Gianni Infantino kkritikat li nqeda bl-immigranti biex tiġi organizzata t-Tazza tad-Dinja kull sentejn

Aqra wkoll

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, ġie kkritikat għall-kummenti li jirreferu għall-immigranti Afrikani li jmutu fil-baħar meta tkellem dwar ir-riformi fil-kalendarju tal-football.

Il-korp governattiv tal-football dinji ressaq pjani li jinkludu t-twaqqif ta’ Tazza tad-Dinja kull sentejn.

Infantino jgħid li Tazzi tad-Dinja aktar re­golari jistgħu jgħinu biex jipprovdu tama għal xi nazzjonijiet iżda l-kummenti tiegħu ġew ikkritikati.

“Jeħtieġ li nagħtu opportunitajiet u rridu nagħtu d-dinjità,” qal Infantino.

“Mhux billi nagħtu l-karità, iżda billi nħallu l-bqija tad-dinja tipparteċipa. Irridu nagħtu tama lill-Afrikani biex ma jkollhomx bżonn jaqsmu l-Mediterran biex isibu, forsi, ħajja aħjar, iżda aktar probabbli mewt fil-baħar.”

Aktar minn 23,000 persuna huma neqsin b’riżultat ta’ tentattivi biex jaqsmu l-Mediterran skond data miġbura mill-Missing Migrants Project.

Infantino aktar tard qal li r-rimarki tiegħu kienu ġew “interpretati ħażin”.

“Nixtieq niċċara li, fid-diskors tiegħi, il-messaġġ aktar ġenerali tiegħi kien li kulħadd f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandu responsabbiltà li jgħin biex itejjeb is-sitwaz­zjoni tan-nies madwar id-dinja,” huwa qal.

Andrew Stroehlein, direttur tal-midja fil-Human Rights Watch, fuq Twitter kiteb: “Il-kollegi tiegħi fil-Human Rights Watch jintervis­taw refuġjati madwar id-dinja kważi kuljum. Huma qatt ma jsemmu ż-żmien tat-tournaments tat-Tazza tad-Dinja.”

Il-kap eżekuttiv ta’ Kick It Out, Tony Burnett, irreaġixxa għall-kummenti ta’ Infantino billi stqarr: “Il-FIFA hija organizzazzjoni li tagħmel profitt ta’ ħafna biljuni. Diġà għandhom il-fondi biex jinvestu fil-ħolqien u l-ispi­razzjoni ta’ opportunità għal nies żvantaġġati madwar id-dinja.

“Għalhekk huwa kompletament inaċċettabbli li wieħed jissuġġerixxi li Tazza tad-Dinja biennali, imwaqqfa fil-biċċa l-kbira biex issuq aktar profitti għall-FIFA, tista’ tkun soluzzjoni għall-migranti li jirriskjaw ħajjithom, xi kul­tant jaħarbu minn pajjiżi mifnija mill-gwerra, biex ifittxu ħajja aħjar.”

Il-UEFA, il-kampjonati ewlenin tal-Ewropa u l-korp governattiv tal-football tal-Amerika t’Isfel, CONMEBOL, kollha opponew pjani għal Tazza tad-Dinja biennali, filwaqt li l-CAF, il-korp governattiv Afrikan, ta l-appoġġ tiegħu.

Id-delegati tal-FIFA qalulhom li l-bidla tal-iskeda tal-akbar tournament internazzjo­nali tal-football se tiġġenera £3.3 biljni fi dħul addizzjonali fuq ċiklu ta’ erba’ snin.

Ekonomija

Sport