Saturday, December 21, 2024

“Ġibt quddiem għajnejja lil ibni… irrid nibqa’ hawn għalih”

… tixhed il-Kolumbjana li ġiet aggredita f’bajja f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Il-Kolumbjana li sfat aggredita minn raġel f’bajja f’San Ġiljan iddeskriviet kif kienet imbeżża’ mill-“ħarsa” tal-allegat aggressur meta ġiet wiċċ imb wiċċ miegħu. Dan wara li kienet telgħet mill-baħar u avviċinatu għaliex ħasbet li kien se jisraqha.

Waqt li kienet qiegħda tagħti x-xhieda tagħha quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-allegata vittma dehret f’xi waqtiet emozzjonata meta qalet li wara li sfat aggredita, bdiet iġġib quddiem għajnejha lil binha li għadu tarbija u saħqet li riedet “tibqa’ hawn għalih.”

Hija kienet qed tixhed fil-kumpilazzjoni kontra Fabian Media Paira, li għandu 21 sena u huwa wkoll Kolumbjan, li jinsab mixli li pprova joqtolha, li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura gravi, li kiser il-paċi pubblika u li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.

Il-mara bdiet billi qalet li fis-7 t’Awwissu li għadda, hija kienet marret il-baħar ma’ tlitt iħbieb oħra. Tnejn minnhom kienu telqu kmieni u għalhekk kienu baqgħu hi u ċertu Ernesto.

Hija tgħid li kellha basket u fih kien hemm żewġ mobiles u camera. Qalet li hi u Ernesto ddeċidew li jinżlu jgħumu u dak il-ħin kienet tielgħa x-xemx. Tgħid li aktar qabel kienu nnutaw raġel ieħor fuq il-bajja li beda jitkellem waħdu iżda kienu “injorawh”.

Meta niżlu l-baħar, innutaw li dan ir-raġel beda miexi lejn il-basket tagħha u li kien qabad flixkun, waddbu u kissru. L-allegata vittma kienet qalet lil Ernesto li dan ir-raġel kien se jisraqilhom l-affarijiet tagħhom.

“Ir-reazzjoni tiegħi kienet li noħroġ mill-ilma u mmur għall-affarijiet tiegħi,” qalet ix-xhud. Qalet li xħin ġiet wiċċ imb wiċċ miegħu, beżgħet ħafna mill-ħarsa li kellu fuq wiċċu. 

Dak il-ħin tgħid li bil-biża’ ġabret flixkun ieħor minn mal-art, li kien għadu sħiħ, u qaltlu “what happened, bro?”. Imbagħad tgħid li ma tiftakarx wisq x’ġara wara, kulma tiftakar kien l-allegat aggressur fuqha u hi żżomm idejha ma’ wiċċha biex tilqa’ minn dik l-aggressjoni. 

Hija qalet ukoll li meta ġiet f’sensiha, semgħet lil Ernesto jgħajtilha u jgħidilha “torqodx, jekk jogħġbok torqodx” waqt li dan beda jgħajjat għall-ajjut. Imbagħad tiftakar li semgħet l-ħsejjes tal-ambulanza u s-sireni tal-pulizija u bdiet tħossha debboli ħafna. 

“Dak il-ħin ġibt quddiem għajnejja lit-tifel tiegħi. Dak il-ħin fih biss bdejt naħseb għax għadu tarbija. Irrid nibqa’ hawn għalih,” qalet ix-xhud. Meta ddaħħlet fl-ambulanza, tiftakar li bdiet tisma lit-tobba jitkellmu bejniethom. Xħin waslu l-isptar, ittieħdet f’sala fejn kien hemm ħafna tobba u qalulha li kellhom jagħmlu xi x-rays għaliex tilfet ħafna demm. 

Sadanittant, hija qalet li t-tobba fl-ambulanza kienu qalulha li l-feriti li kellha f’ġisimha ma kinux jidhru li kienu kompatibbli ma’ daqqa ta’ flixkun. Qalet ukoll li tabib fl-isptar ikkonferma li l-ġrieħi li kellha ma kinux minn flixkun imma minn xi ħaġa oħra. Hija sofriet ġrieħi ftit ‘il fuq minn sidirha u anke f’ġenbha fin-naħa tax-xellug. 

Fil-kontro-eżami, l-Avukat Difensur Marc Busuttil staqsa lix-xhud għalfejn ħasset li kellha tiġbor flixkun mill-art meta resqet lejn l-imputat. Hija qalet li “l-ħarsa tiegħu kienet wisq tal-biża’. Dik il-ħarsa li bħal donnu se jagħmilli xi ħaġa. L-istint tiegħi kien li niġbor xi ħaġa għax bżajt ħafna mill-ħarsa tiegħu.”

Wara li ntemmet ix-xhieda tal-allegata vittma, ingħata digriet tal-prima facie, bil-Qorti tqis li hemm biżżejjed provi biex l-imputat jitqiegħed taħt Att ta’ Akkuża.

Il-kawża tkompli fl-24 ta’ Settembru.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Shawn Pawney u Nico Zarb.

Ekonomija

Sport