Monday, January 26, 2026

Ġid li ħloqna biex minnu jgawdu l-familji

Minn Dr Andy Ellul- Is-Segretarju Parlamentari għad-djalogu soċjali u l-Akkomodazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Aqra wkoll

Il-Gvern Laburista jibqa’ l-aqwa garanzija biex jinħoloq il-ġid u dak il-ġid jitqassam b’mod ġust.  Għalhekk ħloqna l-ġid u għalhekk li Malta l-aktar ekonomija li qed tikber fl-Unjoni Ewropea.

U kif ħloqnieh dan il-ġid? 

Tajna l-akbar tax cuts fl-istorja b’investiment ta’ €300 miljun. €140 miljun li qed igawdi minnha kull min jaħdem u €160 miljun fi tnaqqis għall-ġenituri b’wild wieħed jew aktar. Dan x’se jfisser? Ifisser li din is-sena u għat-tliet snin li ġejjin – se nħallu fil-but €900 miljun illi kieku tħallsu f’taxxi. 

L-ewwel prioritá ta’ Gvern Laburista kienet, għadha u tibqa’ l-familji, il-benesseri tagħhom – finazjarji u oltrè minn hekk. 

Għalhekk ukoll se nagħtu żieda ta’ €500 bil-Birth Bonus, żieda ta’ €500 fil-Bonus għall-Adozzjoni u żieda oħra fiċ-Childrens’ Allowance.

Għax aħna Gvern ta’ qalb soċjali u għax aħna gvern progressiv, ħarisna lilhinn mill-flus. Jiena kburi illi fl-aħħar snin  – bħala Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali  – mexxejt ‘il quddiem miżuri li qed jagħmlu mhux biss ġustizzja soċjali imma qed jagħtu wens lin-nies fl-aktar mument ta’ bżonn.  

Il-miscarriage leave – hija miżura kruċjali u Malta hija wieħed mill-ewwel pajjiżi fid-dinja li introduċa dan it-tip ta’ mudell. B’hekk minn din is-sena kull omm li tgħaddi minn korriment qabel 22 ġimgħa ta’ tqala se tingħata sebat’ijiem leave tal-Miscarriage. Imma mhux biss, anke l-partner se jingħata sebat’ijiem għax aħna nemmnu li hija l-familja kollha li tgħaddi minn din it-trawma. 

Mill-1 ta’ Jannar wkoll bdejna nagħtu l-leave tal-maternità għal ommijiet li jwelldu tarbija mejta wara 22 ġimgħa mit-tqala, xi ħaġa li ma kinitx issir qabel.

U dwar dan, propju din il-ġimgħa, ffirmajna ftehim mal-Positive Parenting Malta biex b’hekk kull min jgħaddi minn trawma ta’ korriment jibda jingħata għajnuna u appoġġ psikoloġiku.

—————————————————————–

Matul l-2025 ukoll  ħabbart  diskussjoni nazzjonali dwar leave għall-ġenituri li jkollhom it-tarbija tagħhom fl-NPICU. Hawnhekk qed nuru kif bħala Gvern qed nifhmu kemm il-ħin u l-kuntatt bejn il-ġenituri f’mument daqstant delikat huwa importanti. Id-diskussjoni se twassalna biex hawn ukoll naslu biex inħabbru din il-miżura – li aktar milli flus, qed toffri soljev veru lill-ġenituri f’mument ta’ tbatija u toqol emozzjonali. 

Din  – bħall-Miscarriage Leave – hija miżura verament għall-qalbi u filwaqt li nittama li ħadd ma jgħaddi minn  trawma bħal din u allura jkollu bżonn tali leave, nittama wkoll li b’din il-miżura qed nagħtu dak l-appoġġ meħtieġ biex intaffu mill-uġigħ li jgħaddu minnha l-ġenituri

U daqs kemm huma importanti l-flus u l-wens, daqstant huwa importanti l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. 

Għax filwaqt li l-poplu jirrikonoxxi li l-ekonomija qed tikber b’rata qawwija u filwaqt li l-poplu ta’ rieda tajba jaf li aħna qed nagħmlu d-differenza bil-ħemel ta’ miżuri soċjali li qed nintroduċu, qed jitlob mingħandna wkoll bilanċ għal kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Għalhekk l-2026 se tkun kruċjali għad-djalogu soċjali. Se nkomplu bid-diskussjoni nazzjonali dwar ir-Right to Disconnect. Se niddiskutu għalhekk id-dritt li persuna taqta’ mill-kuntatt tax-xogħol, waqt il-mistrieħ, jew għallinqas tagħżel hi jekk tridx tagħmel kuntatt ma’ min iħaddimha jew le. Dan ifisser aktar jedd lill-ħaddiem, aktar rispett għal ħin liberu pero’ wkoll aktar kollaborazzjoni u rispett reċiproku bejn il-ħaddiem u min jimpjegah.

U matul il-ġimgħat li ġejjin ser nibdew id-diskussjoni dwar xogħol li jista’ jsir mid-dar – Remote Working.

Ċert li se jkun hemm min jaqbel u min le. Ċert li se tqum diskussjoni movimentata u ħajja. Ċert li se jkun hemm mumenti fejn naraw l-affarijiet minn angolu differenti. Pero kburi li għandna l-kuraġġ, anke hawn li nwettqu l-bidla. Bidla li se tkun frott ta’ djalogu kontinwu mal-imsieħba soċjali kollha. 

Kif dejjem għamilna, fl-2026 se nerġgħu nkunu fuq in-naħa tal-familji, taż-żgħażagħ, tal-anzjani u l-pensjonanti u fuq kollox se nkunu fuq in-naħa ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.

U finalmet minn qalbi nixtieq nawgura lil Aidan għar-rebħa mistħoqqa tiegħu fil-Malta Eurovision Song Contest bil-kanzunetta ‘Bella’. 

Nawguralu success kbir u m’għandix l-iċken dubju li fi Vjenna jagħmel lil Malta u lil Maltin tassew kburin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport