Saturday, October 26, 2024

Gidem widnejn ħaddiem li pprova jwaqqfu milli jisraq bott kafè

Aqra wkoll

Frank Schembri ta’ 27 sena minn Tas-Sliema nżamm arrestat wara li ġie mixli li l-Ġimgħa li għadda pprova jisraq minn ħanut u ħebb għal ħaddiem li mar biex iwaqqfu u kkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi. Huwa kien mixli wkoll li fl-istess jum weġġa’ ħafif lil xufier tal-linja, li heddu u li kiser il-paċi pubblika. 

L-Ispettur Gabriel Micallef spjega fil-Qorti kif il-Pulizija kienet intervjeniet wara argument fi Pjazza San Kalċidonju, il-Floriana. Meta marru fuq il-post, il-pulizija sabu lill-imputat jargumenta ma’ xufier tal-linja fejn kien faqagħlu l-ħġieġa tan-naħa tax-xufier bil-konsegwenza li kkaġunalu ġrieħi ħfief f’wiċċu.

Aktar tard, il-Pulizija kienet infurmata li ftit sigħat qabel, l-imputat allegatament ipprova jisraq bott kafè minn ħanut fil-Gżira. Il-ħaddiem li kien hemm fil-ħanut induna b’dak li kien se jagħmel u meta mar biex iwaqqfu dawn spiċċaw fl-idejn, bl-imputat allegatament jigdimlu widnejh u jweġġgħu gravi. 

Id-Difiża kkontestat il-validità tal-arrest fuq il-bażi li l-imputat ġie arrestat fi klinika meta kien qed ifittex l-għajnuna għall-kundizzjoni medika li għandu. Il-Qorti iżda wara li semgħet it-trattazzjoni taż-żewġ naħat ikkonvalidat l-arrest.

Wara saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu u l-fatt li m’għandux indirizz fiss. “Barra minn hekk, jekk se jitħalla jiġri barra minn hawn se jmur jiġri jixtri d-droga,” tenna l-Ispettur Micallef.  

Il-Qorti f’dan l-istadju ċaħdet it-talba minħabba li m’għandux indirizz fiss fejn jirrisjedi u anke fl-aħjar interess tal-imputat stess biex jiġi megħjun minn ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal problemi li ssemmew mid-Difiża. 

Għaldaqstant irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità sabiex malajr kemm jista’ jkun jagħmel assessjar tal-kundizzjoni medika tal-imputat sabiex jiġi verifikat jekk huwa jikkwalifikax u jkun residenti fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. 

Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba tad-Difiża għad-divjett fuq isem l-imputat, fid-dawl li ma kienx hemm bażi legali għal din it-talba. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jonathan Ransley u Gabriel Micallef. L-Avukat Martin Farrugia deher għal Schembri.

Sport