Fl-aħħar ħin l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kiteb fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook fejn nnota li wara aktar minn sentejn minn meta ġie kkonfermat illi saret “gidba ippjanata, b’dokumenti u firem foloz, maħduma bejn diversi persuni biex mhux biss iħammgu lili u lil marti, iżda wkoll biex jiġi destabilizzat il-pajjiż”, l-awtoritajiet ħadu passi fil-konfront ta’ żewg persuni, kif diretti fil-konklużjonijiet ta’ Inkjesta Maġisterjali indipendenti li ntalbet minnu stess.
Muscat kompla jikteb li matul dan il-perjodu kollu, inkluż meta kien fil-kariga ta’ Prim Ministru, hu qatt ma ppressa jew għamel kwalunkwe azzjonijiet li setgħu jiġu interpretati bħala pressjoni biex jiġu implimentati d-deċiżjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali. Muscat għamel dan sabiex iħalli lill-awtoritajiet l-ispazju kollu biex jaħdmu kif jidhrilhom xieraq.
L-eks Prim Ministru qiegħed jittama li minbarra x-xogħol li sar fl-inkjesta, isiru l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar dan il-każ u anki biex juru min kien il-moħħ wara dan il-pjan kollu. Żied jgħid ukoll li jittama li l-persuni mressqa jikkollaboraw biex tkun magħrufa l-verità kollha u min huma n-nies oħra involuti, fosthom “dawk li għadhom jinħbew wara s-suppost professjoni tagħhom”.
Muscat temm jikteb li l-Avukat Pawlu Lia se jkun qed jidher bħala parte civile għalih u għal martu matul dawn il-proċeduri.