Sunday, May 5, 2024

Ġie konkluż il-proċess tax-xiri tas-sede prinċipali tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi

B’kollox jitilgħu għal tmienja l-proprjetajiet użati minn soċjetajiet mużikali li nxtraw mill-Gvern, b’erbgħa oħra jinsabu fuq konvenju

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede ta’ l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi. Din il-proprjetà tingħaqad ma’ seba’ binjiet okkupati minn Soċjetajiet Mużikali oħra, jiġifieri s-sede s-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, s-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, s-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema u s-sede ta’ l-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa li issa l-Gvern hu s-sid tal-binja prinċipali li minnha joperaw dawn is-soċjetajiet.

Fl-istess waqt hemm erba’ sede ta’ Soċjetajiet Mużikali oħra li l-Ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, jinsab f’konvenju dwarhom mas-sidien privati tagħhom. Dawn it-tnax-il Soċjetà kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif il-Gvern ħa l-inizjattiva sabiex isalva dawn is-soċjetajiet mużikali li huma s-sisien tal-festa Maltija f’kull komunità. Huwa tenna li l-Gvern huwa konxju mill-benefiċċji sinifikanti li joħorġu mill-kontribut li l-festi Maltin jagħtu lill-pajjiż, u saħaq li hu kruċjali li dawn is-Soċjetajiet Mużikali jibqgħu jiffunzjonaw u jibqgħu aċċessibbli għall-komunitajiet rispettivi tagħhom.

Il-Ministru Bonnici fisser id-deċiżjoni tal-Gvern li jintervjeni biex jixtri l-każini li kienu f’riskju imminenti ta’ żgumbrament bħala waħda importanti għat-tisħiħ tas-settur kulturali, speċjalment meta wieħed iqis ir-rikonoxximent riċenti mill-UNESCO tal-Festa Maltija bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità.

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall qal li permezz ta’ dan il-proċess ta’ xiri mill-Gvern, id-diriġenti volontarji issa jistgħu jiffukaw aktar minn qatt qabel fuq il-missjoni kulturali tagħhom fil-qalba tal-komunitajiet li fihom jgħixu.

Is-sede tas-soċjetà tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici, Ħal Qormi ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €700,000. 

B’kollox il-Gvern hu mistenni li jinvesti total ta’ €19-il miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tat-tmien proprjetajiet imsemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis l-erba’ proprjetajiet l-oħra li għad irid isir kuntratt finali dwarhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport