Saturday, December 21, 2024

Ġiet btala f’Malta mat-tfajla tagħha u ngħatat fastidju minħabba l-orjentazzjoni sesswali

Aqra wkoll

Il-kantanta internazzjonali li ħadet sehem f’X Factor fl-2012, Lucy Spraggan qalet li Malta hija sabiħa iżda ma tistax tgħid l-istess għall-esperjenza tagħha f’pajjiżna wara li ġiet btala flimkien mat-tfajla tagħha. 

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali hija qalet li kienet entużjasta li tiġi Malta fost l-oħrajn għax kien hemm bosta nies li rrakomandaw lil pajjiżna u qalu li ħadu gost. Fost ir-raġunijiet ukoll, qalet li semgħet li pajjiiżna huwa progressiv anke fil-mod ta’ kif il-poplu iħares lejn il-komunità LGBTIQ. Iżda hija qalet li l-esperjenza tagħha f’pajjiżna kellha tintemm wara inqas minn tliet ijiem.

Dan għaliex, waqt li kienet hawn flimkien mat-tfajla tagħha hija qalet li ġiet diżrispettata wara li rċeviet numru ta’ kummenti sempliċement minħabba l-orjentazzjoni sesswali. Qalet li b’riżultat ta’ dan, kellhom ukoll ibiddlu l-lukanda tagħhom.

Semmiet ukoll esperjenza li għaddew minnha meta marru f’ristorant fil-Belt Valletta fejn min kien qiegħed iservihom beda jkellimhom b’manjiera tassew dispreġġjattiva fejn ma naqasx milli għamel kummenti espliċiti sempliċement għax huma nisa.

Irrakkuntat ukoll li meta marru biex jieħdu ġelat, kien hemm xi irġiel li bdew jagħmlu sinjali fejn jirreferu għalihom bħala lesbjani filwaqt li bdew jgħajjtu fid-direzzjoni tagħhom.

Wara li hija rrakkuntat dan, bosta kienu dawk li kkummentaw fuq dak li għaddiet minnu. Fost l-oħrajn kiteb il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici li qal li bħala Ministru responsabbli għall-ugwaljanza, iħossu ddispjaċut dwar dak li għaddiet minnu. Huwa qal li dawn it-tip ta’ każijiet mhumiex komuni u ma jirrappreżentawx is-sentiment tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi lejn il-komunità LGBTIQ. Filwaqt li qal li jinsabu kburin li jaħdmu b’passjoni kbira favur l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-LGBTIQ f’Malta, huwa stieden lilha u s-sieħba tagħha biex jiġu f’pajjiżna meta fl-2023 se jkun qed jospita l-Europride.

Ekonomija

Sport