Saturday, January 31, 2026

Ġiet b’visa turistika miż-Żimbabwe … tat lil binha b’adozzjoni lill-koppja gay u telqet minn Malta

Aqra wkoll

Ġiet f’pajjiżna miż-Żimbabwe b’visa turistika. Binha kellu biss tlett xhur meta ġiet hawn. Damet biss f’pajjiżna ħamest ijiem. Tat lil dak li kien allegat li hu binha b’adozzjoni lill-koppja gay f’Malta u telqet lejn il-Polonja.

Jidher li dinja il-mara u l-minuri kienu mgħejjunin mill-istess koppja gay biex tivvjaġġa lejn pajjiżna. Bejn l-omm u l-koppja saret dikjarazzjoni mill-allegata omm fejn qiegħed jiġi ddikjarat li qed tħalli lil minuri fil-kura tal-koppja u li qed tagħmel dan b’mod volontarju.

Peress li ż-Żimbabwe mhux firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ De Hague dwar l-adozzjonijiet, din l-adozzjoni tqieset kontra liġi u nbdew proċeduri immedjati fil-Qrati, fejn ġie espress tħassib li dan jista’ jitqies bħala każ ta’ traffikar ta’ tfal, liema investigazzjoni għadha għaddejja b’mod indipendenti mill-Pulizija Eżekuttiva.

Il-każ li spiċċa f’battalja legali, ġie allegat li l-mara li qed jingħad li hi omm il-minuri li kellha l-iskop li ssir xi adozzjoni illegali ta’ binha Sole, bil-koppja u bil-mara jgħidu li dan ma kienx il-każ. Minn sentenza tal-Qorti joħroġ li l-mara qatt ma kellha intenzjoni illi ssir xi illegalita’ jew li b’xi mod tpoġġi lil allegat binha Sole Dube f’xi tip ta’ gwaj. Anzi, bl-oppost.

Hija minn qabel it-twelid tal-minuri sal-ġurnata tal-lum, dejjem qieset l-aħjar għal binha bħala l-prijorità assoluta tagħha u dan minn meta għamlet minn kollox sabiex ma tabortix l-istess minuri minkejja l-pressjonijiet kollha li kellha u ċ-ċirkostanzi li kienet tinsab fihom.

Hi imxiet mal-pariri u d-direzzjonijiet tal-professjonisti Maltin u saħansitra ta’ agenzija Maltija akkreditata mill-Awtorita Ċentrali ta’ Malta u sa fejn kienet konoxxenti hi, kollox kien qed isir skont il-liġi Maltija. Il-battalja legali kienet dwar il-fatt li infetħu proċeduri legali biex il-Qorti tistħarreġ u tvarja deċiżjonijiet li ttieħdu minn Qorti oħra, jiġifieri l-Qorti tal-Minorenni.

Il-Qorti qalet li f’dawn il-proċeduri, il-Qorti qiegħda tintalab li sservi bħala Qorti ta’ Appell jew ta’ Reviżjoni. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti iddikjarat li tqis li f’dan il-każ il-liġi tipprovdi rimedji alternattivi sabiex l-awtoritajiet jimpunjaw digrieti, jew deċiżjonijiet ta` Qorti oħra fosthom il-Qorti tal-Minorenni. Għalhekk il-Qorti laqgħet it-talbiet tal-mara, li allegatament hi omm it-tifel li spiċċa adottat. Il-każ imur lura għas-sena 2023 meta twieled ‘Sole’ fiż-Żimbabwe.

Il-minuri wasal f’Malta fit-23 ta’ Diċembru tas-sena 2023 u kellu tlett xhur. 
 Ġara li l-allegata omm u binha, ivvjaġġaw lejn Malta permezz ta’ visa turistika u temporanja fejn skont id-dokumentazzjoni esebita jidher li l-allegata omm u l-minuri kellhom jerġgħu jirritornaw lura ż-Żimbabwe.

Minkejja dan, l-allegata omm telqet minn Malta wara ħamest’ ijiem u vvjaġġat lejn il-Polonja, fejn ħalliet lill-minuri Sole fil-kura ta’ terzi persuni, koppja gay, liema arranġament kien diġà miftiehem bejn l-allegata omm u l-koppja qabel il-wasla tagħha u tal-minuri ġewwa Malta fejn saħansitra, kienu il-koppja stess li għenu lil allegata omm sabiex tivvjaġġa lejn Malta flimkien mal-minuri.


Jidher li l-ftehim li sar bejn l-allegata omm u l-koppja kien dak li jaddottaw lill-minuri Sole u dan kif jidher minn dikjarazzjoni mill-allegata omm fejn qiegħed jiġi ddikjarat li qed tħalli lil minuri Sole fil-kura tal-koppja li ser jaddottaw lil Sole u li qed tagħmel dan b’mod volontarju.

Ġara li d-Direttorat ġie a konjizzjoni tal-minuri Sole wara telefonata li huwa rċieva mill-Avukat Dr Noel. Cutajar fil-pożizzjoni tiegħu fi ħdan id-Direttorat Legali u Governanza mal-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali fejn spjega li ingħata l-informazzjoni li l-koppja għamlu ftehim ta’ adozzjoni mingħajr ma nfurmaw lil awtoritajiet kompetenti bi ksur flagranti tal-Liġi.

Sforz tal-fatt l il-ftehim li sar huwa kompletament bla bażi legali fejn il-minuri spiċċa fi stat fejn il-kura u kustodja tiegħu ma kinitx regolata u fi stat ta’ mingħajr stabbiltà u permanenza legali, dan id-Direttorat minnufih intervjena u intavola proċeduri ai termini tal-Kapitolu 602 tal-Liġijiet ta’ Malta quddiem l-Qorti tal-Minorenni.


It-tħassib tad-Direttorat kien li l-minuri ġie ġewwa Malta fuq pretensjoni ta’ turist, iżda fl-istess ħin tħalla fil-kura tal-koppja bi ħsieb ta’ adozzjoni;
Intwera tħassib dwar il-fatt li ċ-ċertifikat tat-twelid tal-minuri mhuwiex wieħed verifikat u għalhekk faċilment jista’ jkun wieħed falz. It-tħassib kien ukoll għall-fatt li hemm possibbiltà li dan huwa każ ta’ traffikar ta’ tfal, liema investigazzjoni għadha għaddejja b’mod indipendenti mill-Pulizija Eżekuttiva.

It-tħassib kien jirrigwarda ukoll dwar il-fatt li hemm dubju dwar jekk l-allegata omm hix verament omm il-minuri, tant li l-Qorti tal-Minorenni ordnat li l-allegata omm tiġi soġġetta għal test ta’ DNA. It-tħassib hu ukoll dwar ir-riskju
 li fih tħalla l-minuri, li spiċċa mingħajr identità u mingħajr kustodju li jista’ jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tas-saħħa u l-edukazzjoni fejn kien qed jirrisjedi ġewwa Malta mingħajr permess u mingħajr l-involviment tad-Direttorat esponent ai termini tal-Kapitolu 602 tal-Liġijiet ta’ Malta il-minuri kien f’riskju li jiġi deportat lura lejn iż-Żimbabwe minħabba li l-visa li ġie biha flimkien ma’ l-allegata omm skadiet.

Jirriżulta li l-koppja ġew imwissijin diversi drabi minn entitajiet differenti li tali adozzjoni ma tistax isseħħ iżda minkejja dan it-tagħrif, il-koppja baqgħu jinsistu li hemm lacuna fil-liġi li tippermetti tali addozzjoni, avviċinaw għajnuna ulterjuri u issa qed jallegaw li ġew żgwidati u jieħdu l-pożizzjoni ta’ vittmi ta’ sistema. Intqal li l-minuri qatt ma seta’ ġie jew jista’ jiġi addottat mill-koppja għax iż-Żimbabwe ma tiffurmax parti mill-Hague Convention u ma hemm l-ebda ftehiem bejn Malta u z-Zimbabwe. Dr. Noel Cutajar taħt il- ġurament tiegħu spjega li huwa fatt u regolat bil-Liġi li meta jkun hemm adozzjoni privata, il-liġi tal-pajjiż min fejn ser jiġi adottat il-minuri irrid jiġi onorat. Dr. Noel Cutajar ikkonferma li ż-Żimbabwe ma jaċċettawx adozzjoni min koppja tal-istess sess u ulterjoralment, li anke issa tali ftehim qatt ma jista’ jiġi ssanzjonat iżda projbit.

Il-minuri preżentement qiegħed jiġi mħares f’kura alternattiva fi ħdan familja u foster carers, qiegħed stabbli u qed jiżviluppa b’mod pożittiv immens, il-Qorti tal-Minorenni ordnat żieda ta’ aċċess favur il-koppja u dan minkejja li dan id-Direttorat kontinwament saħaq lill-istess Qorti il-ħsara li qiegħed issir u li jista’ jsir lil minuri Sole anke fil-futur tiegħu.

Id-Direttorat minnufih intavola rikors b’urġenza biex il-Qorti tal-Minorenni tirrevoka tali digriet, liema rikors ġie għal darba oħra miċħud. Jirriżulta li d-Direttorat għamel diversi tentattivi biex il-Qorti tirrikonsidra d-deċiżjoni tagħha fejn saħansitra ġie intavolat rikors għall-permess tal-appell, li ġie miċħud mill-istess Qorti mingħajr ma appuntat smiegħ jew trattazzjoni tal-istess.

Għalhekk, dan id-Direttorat jinstab mingħajr rimedju effettiv fiċ-ċirkostanzi partikolarissimi ta’ dan il-każ sabiex jipproteġi l-benessere assoluta tal-minuri Sole Dube; 
Id-Direttorat kontinwament saħaq tul il-mori tal- proċeduri preseduti mill-Qorti tal-Minorenni li aċċess mal-koppja m’għandux jiġi aċċettat u dan għal diversi raġunijiet fosthom: il-minuri m’għandu l-ebda rabta bijoloġika mal-koppja u mhumiex persuni li magħhom hi importanti li jżomm kuntatt.

Intqal li ġie ikkonfermat li Sole qatt ma jista’ jiġi addottat mill-istess koppja fejn il-minuri għandu jingħata l-opportunità li jkompli jiġi imrobbi minn familja li tista’ tadottah u toffri l-permanenza li l-minuri jistħoqqlu. Il-ħsara u konfużjoni li l-minuri qed jiġi soġġett għalih. L-istabbiltà u rutina tal-minuri u kif ukoll fir-relazzjoni tal-istess minuri mal-foster carers li qed tiġi affettwata sforz tal-aċċess eċċessiv mal-koppja.

Intqal li l-ħsara li qed tiġi kkawżata lil minuri b’effett dirett mill-aċċess mal-koppja ġie a konjizzjoni tal-Qorti tal-Minorenni diversi drabi fejn saħansitra l-ħaddiema soċjali Leanne Magro u anke l-foster carers innifishom permezz ta’ rikors fl-atti osservaw li l-minuri jkun aġitat qabel u wara l-aċċess mal-koppja fejn ifittex il- prossimita tal-foster carers u jesebixxi tantrums.

Meta wieħed jikkorrelata tali għas-sitwazzjoni tal-minuri Sole huwa evidenti li l-minuri qed jesperjenza ansjetá u biża li ser jiġi separat mill-persuni li magħhom huwa marbut u ċioe, il-foster carers tiegħu. Ġie spjegat u muri lill-Qorti tal-Minorenni li anke professjonisti bħal pedjatri li jinvistaw lil minuri jistgħu josservaw kemm il- minuri Sole huwa marbut emozzjonalment mal-foster carers u kemm huwa kuntent fil-preżenza u kura tagħhom.

Minn naħa tagħha l-koppja u l-allegata omm jgħidu li l-mara qatt ma kellha intenzjoni li ssir xi illegalita’ jew li b’xi mod tpoġġi lil binha Sole f’xi tip ta’ gwaj. Anzi, bl-oppost. Hija minn qabel it-twelid tal-minuri sal-ġurnata tal-lum, dejjem qieset l-aħjar għal binha bħala l-prijorità assoluta tagħha u dan minn meta għamlet minn kollox sabiex ma tabortix l-istess minuri minkejja l-pressjonijiet kollha li kellha u ċ-ċirkostanzi li kienet tinsab fihom.

Qalet li hi imxiet mal-pariri u d- direzzjonijiet tal-professjonisti Maltin u saħansitra ta’ agenzija Maltija akkreditata mill-Awtorita Ċentrali ta’ Malta u sa fejn kienet konoxxenti hi, kollox kien qed isir skont id- diċitatura tal-liġi Maltija. 
Intqal li mhemm ebda dubju li l-mara kellha xewqa waħda biss, dik li l-minuri jiġi adottat legalment, volontarjament u mingħajr ebda ħlas, minn koppja li hija akkreditata sabiex taddotta u dan wara li rat b’għajnejha stess li l-minuri qiegħed f’kundizzjonijiet mill-aqwa.

Dan mhux biss stabbilietu hi, iżda kif wara kollox ikkonfermaw il-ħaddiema soċjali waqt il-viżta fid-dar tal-koppja. Mis-sentenza jirriżulta li l-Avukat Noel Cutajar fix-xhieda tiegħu spjega li huwa Direttur mal-Awtorità Ċentrali fi ħdan is-Social Standards and Care Authority, li tamministra dak li għandu x’jaqsam ma` adozzjonijiet tat-tfal u cross-border adoptions.

Spjega li dan il-proċess jsegwuh mill-bidu sal- aħħar sakemm joħroġ id-digriet finali mil-Qorti kompetenti. Żied li fuq il-każ partikolari huwa kien infurmat minn Dr. Josette Sultana, li hija l-persuna responsabbli minn aġenzija privata tal-addozzjonijiet (li l-Awtorità Ċentrali wkoll toħroġ akkreditazzjoni tagħha), rigward il-każ tal-koppja biex tikkonferma jekk setgħux ikomplu bil-proċess tal-addozzjoni.

Stqarr li meta sar jaf mill-ewwel kien informha li fl-ewwel lok ma kien hemm ftehim bilaterali bejn Malta u ż-Żimbabwe, fit-tieni lok, li ż-Żimbabwe ma kinitx parti mill-Konvenzjoni tal-Addozzjonijiet u li l-Awtorità Ċentrali ma kinitx akkonoxxenza ta’ din l-addozzjoni. Infurmaha għalhekk li konsegwentement kellu jinforma lill-Awtoritajiet kollha ikkonċernati u lic-Child Protection Services, kif ukoll il-pulizija eżekuttiva sabiex jinvestigaw il-każ.

Jixhed li din il-proċedura ta` addottazzjoni da parti tal-koppja hija waħda illegali, jiġifieri li nġabet persuna f’Malta mingħajr il-kunsens tal-Awtorità Ċentrali. Kompla jixhed li l-Awtorità Ċentrali nnotifikat lic-Child Protection Services sabiex jieħdu azzjoni immedjata u inħarġu il-care orders. Kien infurmat li l-koppja kellhom ftehim bil-kitba mal-omm li permezz tagħha hija tat it-tarbija sabiex iżommuha.

Stqarr li minn naħa taż-Żimbabwe ukoll ma kienx hemm kunsens għax il-liġi tagħhom ma tippermettix li koppja gay taddotta. Jgħid li t-tarbija kienet ġiet assenjata foster home. Żied li miċ-chats irriżulta li kien hemm barranin involuti u x’aktarx it-tarbija kienet għadha fil-ġuf meta waslet Malta stante li l-pjan kien li titwieled Malta waqt li l-omm tkun fuq visa ta’ turista.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-omm u tal-koppja li hemm rimedji alternattivi sabiex l-awtoritajiet jimpunjaw digrieti, jew deċiżjonijiet taġ Qorti oħra fosthom il-Qorti tal-Minorenni u mhux mill-Qorti Ċivili.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport