Tuesday, August 12, 2025

‘Irrid nagħti l-massimu tiegħi biex inkompli nikseb riżultati tajbin u nuri l-apprezzament tiegħi lejn dawk kollha li emmnu fija’ – Jacob Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Karting?
Bdejt billi kont nilgħab il-futbol, iżda darba rajt lil ħija jsuq il-go karts u affaxxinatni ħafna. Missieri staqsieni jekk ridtx nipprova u jien għedtlu iva. Għalhekk ippruvajt go kart flimkien ma’ Gianluca Dingli u mill-ewwel waqaft fl-imħabba ma’ dan l-isport. Minn hemm ‘il quddiem kelli nagħżel bejn il-futbol u l-karts, u għażilt il-karts.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fil-Karting, fosthom l-aħħar suċċessi li qed tikseb barra minn xtutna.
Bdejt insuq il-mini kart biċ-chassis tal-GP ma’ Gianluca Dingli fit-track tal-Badger Karting. Ftit wara sena u nofs fetħet it-track tal-go karts il-ġdida li tinsab Ħal Far u komplejt insuq il-mini kart bil-chassis ta’ Lenzo Kart ma’ Gianluca Dingli u bdejt nieħu sehem fit-tlielaq nazzjonali. Sena wara dħolna fl-iskeda internazzjonali, u għaddejt għal X30 Junior bil-chassis tal-BRM. Kompletejt nitlaqqam mar-realtà ta’ tlielaq barra, fosthom fl-Italja, bil-kategoriji X30 Junior u Rok Junior mal-fabbrika uffiċjali BRM.

Fl-2023, għamilt l-ewwel sena tiegħi fil-klassi OKJ ma’ Ward Racing fl-Italja. Ir-riżultat l-aqwa tiegħi kien pole position fil-grupp tiegħi fil-Kampjonat Dinji u spiċċajt top 10 fil-finali tal-Rok Junior Superfinal. Kienet sena diffiċli b’ħafna setbacks u sfidi imma tgħallimt ħafna minnha.

Fis-sena ta’ wara, għamilt il-pass għal OK Senior ma’ CRG, iżda l-ewwel nofs tas-sena ma kienx qed jimxi kif xtaqt. Għalhekk ddeċidejt nagħmel bidla għal Victory Lane bi chassis ta’ Kart Republic. Minn hemm, is-speed tiegħi tjieb ferm u bdejt nikseb riżultati konsistenti fit-top 5 fil-prattiċi, kwalifikazzjonijiet u tiġrijiet.

Fl-2025 għamilt il-pass minn team satellite għall-team uffiċjali ta’ Kart Republic fil-klassi OK. Din is-sena rnexxieli nagħmel ħafna kisbiet kbar grazzi għall-esperjenzi tal-passat. Għandi karozza u tim ta’ klassi għolja madwari, li għenuni ħafna. Irnexxieli niksib pole positions, rebħiet fil-heats, u ħafna finiti fit-Top 3. Riċentement, irnexxieli nitla’ fuq il-podju fil-FIA Karting (fejn jipparteċipaw l-aqwa sewwieqa tad-dinja), podium fl-IAME Euro Series fil-kategorija X30 Senior fil-Ġermanja, u żewġ podiums inkluż rebħa fil-kampjonat COTFA (OK-N) f’Jesolo, l-Italja.

Għalkemm il-bidu tal-karriera tiegħi kien immarkat minn ħafna fallimenti u xorti ħażina, illum qed nieħu l-frott ta’ dak li tgħallimt u napplika kollox biex nikseb riżultati eċċellenti.

Fil-jiem li għaddew, ħadt sehem fil-COTF RD4 OK KR Rødby. Agħtina iktar dettalji.

Iva. Fil-fatt, urejt potenzjal qawwi, b’mumenti ta’ ritmu ta’ livell għoli u żvilupp solidu tat-teknika tat-tlielaq. Minkejja xi żbalji u opportunitajiet mitlufa, speċjalment fil-heats u l-finali, urejt impenn, titjib, u tkabbir ċar taħt pressjoni. Oqsma bħall-istrateġija ta’ kwalifikazzjoni, il-fokus waqt tlielaq twal, u d-deċiżjonijiet dwar il-bidu tat-tlielaq se jkunu l-għanijiet ewlenin għall-avveniment li jmiss għalija. Bi tħejjija kontinwa u dixxiplina mentali, il-prestazzjoni li jmiss se tkun aktar b’saħħitha u aktar raffinata.

Kif tqis il-livell tal-karting f’pajjiżna fil-preżent?
Onestament, nemmen li l-livell tal-karting f’Malta mhuwiex ħażin. Għandna sewwieqa verament b’saħħithom li qed jagħmlu riżultati tajbin barra minn pajjiżna, u lokalment qed jipparteċipaw ħafna. Naturalment, l-infrastruttura u l-faċilitajiet jistgħu jitjiebu, iżda b’mod ġenerali l-livell kompetittiv hu tajjeb.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Il-kundizzjonijiet u r-riżorsi f’Malta huma limitati meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra b’aktar esperjenza f’dan l-isport. Madanakollu, għandna ċ-ċirkwit ta’ Ħal Far li qed jgħin biex jikber l-isport u joffri ambjent fejn wieħed jista’ jitħarreġ u jikkompeti regolarment. Żgur li hemm lok għal titjib iżda l-impenn ta’ dawk involuti jgħin biex il-karting jibqa’ mexa ’l quddiem f’Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-karting?
Fuq livell personali, bħalissa l-għan tiegħi hu li nagħmel sena qawwija fil-karting u nikseb riżultati massimi sabiex nibni profil b’saħħtu. Jekk kollox imur kif mistenni, is-sena d-dieħla nixtieq nagħmel il-pass għall-F4 u minn hemm nibqa’ nibni karriera fil-motorsport.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-karting.
L-ewwel u qabel kollox nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tiegħi Duncan u Yanika Micallef għall-isagrifiċċji kollha li għamlu għalija sa mill-ewwel jum, lil Gianluca Dingli u l-ekwipaġġ ta’ GLD talli kienu hemm miegħi sa mill-bidu nett tal-karriera tiegħi fil-motorsport, lil Kenny Roosens li huwa wieħed mill-aqwa kowċis tal-karting u li għenni ħafna din is-sena, lil Kart Republic u l-magni IAME għall-materjal ta’ livell għoli, lill-mekkanik tiegħi Javi għall-appoġġ tekniku u lill-oħrajn kollha li appoġġjawni bis-sħiħ tul dan il-vjaġġ sa issa. Issa rrid nagħti l-massimu tiegħi biex inkompli nikseb riżultati tajbin u nuri l-apprezzament tiegħi lejn dawk kollha li emmnu fija!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport