Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?
L-imħabba tiegħi lejn il-futsal bdiet minn età żgħira. Dan għaliex missieri lagħab il-futsal għal żmien twil ma’ ċkuniti, u kont dejjem immur miegħu għall-logħob u t-taħriġ. L-imħabba tiegħi lejn il-futsal kompliet tikber meta fetħet il-Malta Futsal School u bdejt nittrenja jien ukoll f’dan l-isport.
Fl-2019, meta kelli biss 15-il sena, kelli l-opportunità li nilgħab fil-Kampjonat Malti grazzi għall-klabb ta’ Luxol, u l-imħabba tiegħi lejn il-futsal kompliet tikber. Matul dak iż-żmien, u s-sena 2022, għalkemm kelli t-taħriġ tal-football kważi kuljum, dejjem bqajt nipprova nsib il-ħin biex nilgħab il-futsal mal-klabb ta’ Luxol.
Fl-istaġun 22/23 kelli nieqaf kompletament mill-futsal, għax ir-regoli tal-futbol ma kinux jippermettuli nilgħab iż-żewġ sports fl-istess ħin. Wara li għamilt żewġ staġuni nilgħab il-football fiċ-Challenge League, dan l-istaġun iddeċidejt li nieqaf kompletament mill-football u nerġa’ nibda nilgħab il-futsal. Erġajt ingħaqadt mal-klabb ta’ Luxol u kelli staġun tajjeb ħafna, mimli opportunitajiet sbieħ kemm mal-klabb kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti. B’hekk, l-imħabba tiegħi lejn l-isport kompliet tikber.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza tiegħek ma’ klabb f’Ruma fis-Serie C fl-Italja?
Mill-istaġun li ġej ġietni din l-opportunità sabiħa li nkompli l-karriera tiegħi nilgħab il-futsal barra minn xtutna, preċiżament f’Ruma. Inħossni eċċitat ħafna għal din l-esperjenza ġdida, kemm biex nilgħab il-futsal fl-Italja (li se tkun l-ewwel darba tiegħi ma’ klabb ieħor apparti Luxol), kif ukoll biex ikolli l-esperjenza li ngħix waħdi għall-ewwel darba barra minn pajjiżi.
Nemmen li din in l-opportunità, se tibbenefikani ħafna: se nkompli nikber fil-logħba tal-futsal, u forsi tiftħali bibien oħra għal opportunitajiet akbar.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Luxol Futsal fejn ksibtu suċċess wara l-ieħor?
Il-klabb ta’ Luxol Futsal mhuwiex biss klabb għalija iżda huwa familja. Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd li għandu x’jaqsam ma’ dan il-klabb glorjuż, għax tahni ħafna opportunitajiet sbieħ u dejjem emmnu fil-kapaċitajiet tiegħi sa minn meta kont żgħir.
Dan il-klabb jistħoqqlu mertu kbir, mhux biss għas-suċċess f’pajjiżna, imma wkoll għar-rikonoxximent li kiseb fil-futsal Ewropew, fejn bħalissa jinsab fis-16-il post fir-ranking tal-UEFA. Għalkemm l-esperjenza tiegħi issa spiċċat, ninsab konvint li l-istorja tiegħi ma’ dan il-klabb għadha ma ntemmitx hawn.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa mat-tim nazzjonali Malti tal-futsal.
Matul dan l-istaġun kont ixxurtjat li kont involut f’ħames logħbiet mat-tim nazzjonali Malti fil-Main Round tal-Euro, kontra tliet timijiet b’saħħithom ħafna fil-logħba tal-futsal: l-Italja, il-Finlandja u l-Belarus.
Din kienet esperjenza prezzjuża u sabiħa ħafna għalija, għax meta tilgħab kontra dan it-tip ta’ players u timijiet li huma fost l-aqwa, żgur se tikber u titgħallem ħafna. Għalkemm ma rnexxilniex niksbu punti f’dan il-grupp diffiċli ħafna, ksibna esperjenza li żgur se tgħinna fil-futur.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Gabriel Dobre?
Meta ssemmi l-futsal f’Malta u s-suċċess relatat ma’ Luxol Futsal, kif ukoll mat-tim nazzjonali fl-istaġun 23/24, ma tistax ma ssemmix lill-kowċ, Gabriel Dobre.
Fl-opinjoni tiegħi, Gabriel Dobre huwa kowċ tal-ogħla livell fil-futsal. Jaf din il-logħba minn ġewwa u minn barra. Jiena grat ħafna lejh, għax mingħandu tgħallimt ħafna u dejjem wera fiduċja fija.
Ninsab ċert li mingħajr l-għarfien tiegħu, jien u ħafna plejers oħra f’pajjiżna ma konniex se nkunu fil-livell li qegħdin fih illum. Pajjiżna għandu jkun grat li għandu kowċ bħal dan.
Kif tqis il livell tal futsal f pajjiżna fil preżent?
Fl-opinjoni tiegħi, il-livell tal-futsal f’pajjiżna għola bil-preżenza ta’ barranin li ġew jilagħbu hawn. Meta tkun qed tittrenja u tilgħab ma’ plejers barranin ta’ livell għoli, se titgħallem u tgħolli l-livell tiegħek ukoll.
Minkejja dan, hemm bżonn aktar investiment u li jingħata aktar importanza lil dan l-isport sabiħ, sabiex ikollna aktar timijiet fil-kampjonat u sabiex dan isir iktar kompetittiv f’pajjiżna.
Inħeġġeġ aktar żgħażagħ biex jibdew jilagħbu dan l-isport, u dawk li diġà jilagħbuh biex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu fil-futsal, għax hawn ħafna opportunitajiet sbieħ.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) hija kumpless tajjeb fejn nitħarrġu u nikkompetu, iżda hemm bżonn aktar investiment sabiex f’pajjiżna jkollna iktar kumplessi fejn jitħarrġu t-timijiet, kif ukoll padiljun dedikat għall-futsal.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Il-mentalità tal-isport, b’mod ġenerali, f’pajjiżna qed tikber ftit ftit. Iżda fl-opinjoni tiegħi għadna xi ftit lura meta nqabbluh ma’ pajjiżi oħra, u hemm ħafna xi jsir sabiex noħorġu l-frott tat-talent li għandna f’pajjiżna.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futsal?
Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-futsal b’ottimiżmu kbir. Nixtieq li jkolli karriera twila u sabiħa f’dan l-isport, fejn nikseb suċċessi kemm f’pajjiżna kif ukoll barra, u nkompli nilgħab mat-tim nazzjonali biex inkomplu nibnu fuq il-passat.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.
Kif diġà għidt, f’dan l-isport tant sabiħ hemm ħafna opportunitajiet. Jista’ jkollok karriera sabiħa u ta’ suċċess kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Għalhekk, inħeġġeġ aktar żgħażagħ sabiex jagħżlu dan l-isport!