Matul din il-ġimgħa qed jintlagħbu numru ta’ logħob mid-diviżjonijiet kollha tal-Blackball hekk kif diversi timijiet qed jittantaw xortihom li jaslu fil-finali tal-kategorija rispettiva tagħhom.
Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ntlagħbu l-ewwel legs tas-semifinali fejn fin-National League, Cospicua Rangers A rebħu l-isfida diretta ta’ Ħamrun 147 B 14-6. Għada dawn iż-żewġ timijiet jiltaqgħu għat-tieni leg.
Fiċ-Challenge League, Ħamrun 147 C għelbu lil Selmun Sports Club A 14-6 u għada se jerġgħu jiltaqgħu għat-tieni konfront.
Fir-Regional League, Qormi Pinto għaddew għas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni wara li għelbu lil Cospicua Rangers B 21-4. Minkejja kollox, fl-ewwel leg tas-semifinali, il-Qriema ġew megħluba minn San Ġwann Tiki Taka A 15-5 u għada jittamaw li jipproduċu wirja aħjar fit-tieni leg.
Fil-Community League, PL Balzan u Qormi Anici Calleja Ltd kellhom konfront bilanċjat fl-ewwel leg kif jixhed l-iskor ta’ 10-10 filwaqt li San Ġwann Tiki Taka C għelbu lil Valletta Fossa Boys 11-9.
Finalment għaddejja wkoll l-Amateur Cup fejn fil-logħbiet li saru fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, Żebbuġ St Joseph għelbu lil San Ġwann Tiki Taka D 11-3 filwaqt li Siġġiewi Montekristo kisbu suċċess ta’ 11-2 kontra Selmun Sports Club C.