Minn Victor Vella
“Ilni li kont dikjarata li fiqt mill-Covid-19 erba’ xhur. Xorta iżda għadni ma ħadtx saħħti lura kompletament. Għadni xi drabi inbati minn qtugħ ta’ nifs. Ikolli ukoll għal xi ġranet għejja kbira”.
Dan iddikjaratu ma’ Inewsmalta persuna li minkejja li ġiet dikjarata li fieqet mill-Covid-19 fil-bidu tas-sajf, hi xorta waħda għadha ħoss ċerti sinomi fosthom qtugħ ta’ nifs u għejja. Hi kienet qed tirreaġixxi, flimkien ma’ persuni oħra għall-istorja li ppubblika Inewsmalta lbieraħ intitolata ‘Negattiv’ imma qed inbati mill-effetti tal-Covid-19”.
‘Għajnejja ħomor’… wara li kont dikjarata ħielsa mill-Covid-19
Persuna li kkuntattjatna spjegat li “jien wara li kont dikjarata negattiva, nista’ ngħid li ma kelliex xi sintomi kbar. Li innutajt imma kien li għajnejja kienu ħomor u damu qisu għal ftit jiem bi ħmura fihom. Ħadt il-pariri mill-ġdid mit-tabib tiegħi u dan qalli li kienet aktarx kienet effett tal-Covid-19. Fil-fatt marret ftit jiem wara.”
Għejja u qtugħ ta’ nifs
Il-persuni li tkellmu ma’ Inewsmalta qalulna li fost sintomi oħrajn li kellhom wara li kienu dikjarati ħielsa mill-Covid-19 kien qtugħ ta’ nifs u għejja. Mara li tkellmet magħna qaltilna li “jien kont ġejt dikjarata bla Covid-19 fil-bidu tas-sajf. Bqajt imma inbati minn qtugħ ta’ nifs. Mhux xi qtugħ ta’ nifs kbir, imma li tħossu sew jekk tmur timxi jew tagħmel xi skariġġ. Hi xi ħaġa li ddejqek. Skumdita. Tkellimt mat-tabib tiegħi u qed jissuġġerixili test biex jara jekk il-Covid-19 affettwax il-pulmun. Qed nispiċċa ngħix f’tensjoni kbira minħabba dan il-ħsieb.”
Persuna oħra ilmentat li xi mument għadha tbati min għejja u ħruġ ta’ għaraq. Saħqet li “jien irkuprajt mill-Covid f’Ġunju. Għadni sa llum xi drabi inħoss għejja kbira. Mhux kontiwna imma tiġi kull tant. Ġieli ukoll jibda ħiereġ ħafna għaraq qisu bħal meta jkollok id-deni u jgħaddi. Anki ħmura fuq il-ġisem. L-agħar sintomu imma hu l-għejja. Meta tiġi nispiċċa nintefa’ fuq is-sodda.”
Tisħaq li “hemm bżonn li jkun hawn aktar għarfien f’pajjiżna dwar dan. Qed nirriċerka u qed nara li barra minn Malta, persuni li mardu bil-Covid-19, qed jesperjenzaw sinomi ta’ għejja ukoll”.
Studju fil-Korea t’Isfel juri ammont ta’ nies li jbatu minn sintomi wara
Intant minn stħarriġ li sar fl-aħħar ġimgħat fost 1,000 pazjen li mardu bil-Coronavirus fil-Korea ta’ Isfel, instab li 91 fil-mija irrapportaw li għadhom qegħdin ibatu minn xi effetti minkejja li ġew kunsidrati li irkupraw mill-virus.
L-istħarriġ jgħid li fost is-sintomi hemm inabbiltà li wieħed jiffoka, telf ta’ xamm u togħma, kif ukoll għejja. Jidher li effett ieħor hu ta’ ta’ taħbit irregolari tal-qalb, uġigħ u anke problemi marbutin ma’ qtugħ ta’ nifs.
Il-Covid-19 hi meqjusa bħala marda respiratorja, u li taffettwa l-pulmuni. L-espert mediku fuq il-mard tal-pulmun, Dr. Panagis Galiatsaos mill-John Hopkins Medical Center, ikkummenta li l-virus jikkawża pnewmonja u f’xi każi severi, joħloq problemi respiratorji serji.
Hu spjega li qed ikun hemm pazjenti li jbatu minn pnewmonja kawżata mill-Covid-19, u din twassal għal problemi biex wieħed jieħu in-nifs, sturdament u anke għejja kbira.
Jidher li issa ukoll l-esperti mediċi qegħdin isibu evidenza li dan il-virus seta’ anke dannu fil-qalb fost dawk li mardu bih.
Il-kardjoloġista, Dr Kevin Shah mill-Università ta’ Utah, iddikjara li l-virus jista’ jwassal ukoll għal kumplikazzjonijiet fil-qalb fosthom taħbit irregolari, u attakki tal-qalb. Hu saħaq li l-kumplikazzjonijiet qegħdin jidhru f’pazjenti li ntlaqtu b’mod sever minn dan il-virus.
Il-virus jista’ jaffettwa ħażin “il-moħħ u l-kliewi”
Dr Galiatsatos, semma kif dan il-virus jista’ jaffettwa b’mod negattiv partijiet oħra tal-ġisem bħal moħħ u l-kliewi. Hu qal li f’każijiet severi ta’ pazjenti bil-Covid-19, dawn jistgħu jirriżultaw f’Sepsis, li tinfirex u toħloq dannu fit-tissues tal-ġisem tal-bniedem.