Ġinnasta ta’ 11-il sena sfortuntament tilfet ħajjitha fil-bumbardament Russu ta’ Mariupol. Rappreżentant Ukren għal dan l-isport iddeskriva lil din il-ġinnasta bħala waħda b’futur promettenti tant li kien maħsub li ‘l quddiem issir stilla Olimpika.
Kateryna Dyachenko mietet f’attakk fuq id-dar tal-familja tagħha fil-belt assedjata fuq il-kosta tan-Nofsinhar tal-Ukrajna.
Il-kowċ ta’ Kateryna, Anastasia Meshchanenkova, ikkonfermat l-aħbar f’post fuq Instagram, u kitbet: “Jista’ jkun hemm xi skuża għal dan? Ħares lejn din it-tfajla b’talent. Ta’ xiex huma ħatja t-tfal? Nemmen li kull min hu involut f’dan id-delitt se jsib post fl-infern kemm jista’ jkun malajr.”
Bosta kienu dawk l-organizzazzjonijiet tal-ġinnastika minn madwar id-dinja li sellmu l-memorja tat-tfajla.