Matul din il-ġimgħa sar l-ewwel kamp ta’ taħriġ tal-ġinnastika f’Malta. Sunlive Malta organizzat dan l-avveniment fejn fih ġinnasti Maltin u oħrajn barranin kellhom iċ-ċans jitħarrġu f’ambjent professjonali.
Dan il-kamp ta’ taħriġ sar fil-klabb tal-Gymstars f’Ħaż-Żebbuġ fejn ipparteċipaw diversi personalitajiet ta’ livell internazzjonali fosthom Carol Angela Orchard, rebbieħa ta’ diversi midalji tad-deheb fil-Logħob Olimpiku, Andrei Leviti, kowċ Pollakk u champion tad-dinja fil-kategorija tiegħu, Pedro Roque, espert fil-ġinnastika u Nataliya Berehova, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti.
Saru wkoll diversi workshops u prattika fid-diversi kategoriji tal-ġinnastika bl-atleti li tgħallmu ħafna minn din l-esperjenza.
Id-diretturi fi ħdan SunLive Malta Alexandra u Francesca Borg irringrazzjaw lil dawk kollha li għamlu dan l-avveniment possibbli u li fuq kollox ibbenefikaw il-ġinnasti Maltin li qed jaħdmu qatigħ sabiex iżidu l-livell tagħhom f’din id-dixxiplina.