Giorgio Chiellini kkonferma li se jirtira mill-football internazzjonali wara l- ‘Finalissima’ bejn l-Italja u l-Arġentina fl-1 ta’ Ġunju li ġej.
Id-difensur ċentrali leġġendarju, li se jagħlaq 38 sena f’Awwissu, mhux se jkun qed jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar wara li l-Azzurri naqsu milli jikkwalifikaw wara eliminazzjoni xokkanti wara telfa ta’ 1-0 fil-playoffs mal-Maċedonja ta’ Fuq ix-xahar li għadda.
Chiellini żvela li l-aħħar partita tiegħu mal-Italja se tkun f’Wembley Stadium dan is-sajf, l-istess post fejn mexxa lill-Azzurri għall-glorja tal-Euro 2020.
Id-difensur veteran għamel id-debutt internazzjonali tiegħu lura f’Novembru 2004 f’rebħa ta’ 1-0 f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Fillandja, u minn dakinhar lagħab total ta’ 116-il logħba mal-Italja, fejn fadallu dehra finali kontra l-Arġentina biex iwassluh fir-raba’ post fil-lista tal-aktar players li qatt lagħbu bil-flokk tat-team nazzjonali Taljan, flimkien ma’ Daniele De Rossi.
Chiellini ipprovda wkoll aġġornament dwar il-futur tiegħu ma’ Juventus, fejn stqarr li se jagħmel taħditiet kemm mal-club kif ukoll mal-familja tiegħu fi tmiem l-istaoun attwali biex iqis bir-reqqa x’se jkun tabilħaqq il-futur tiegħu mal-Bianconeri.