Il-Britanniku, Simon Yates, rebaħ l-14-il stadju tal-Giro d’Italia biex kiseb ukoll it-tieni rebħa ta’ din l-edizzjoni.
It-tellieqa kienet bejn Santena u Torino fuq distanza ta’ 147 kilometru hekk kif Yates rreġistra ħin ta’ tliet sigħat, 43 minuta u 44 sekonda.
Fil-veritá huwa kiseb rebħa komda meta t-tliet ċiklisti, l-Awstraljan Jai Hindley, l-Ekwadorjan Richard Carapaz u t-Taljan Vincenzo Nibali, daħlu 15-il sekonda warajh.
Dan wara li Carapaz kiseb vantaġġ sostanzjali meta kien għad fadal 28 kilometri għat-tmiem iżda l-grupp tat-tliet ċiklisti rnexxielhom jattakkaw u laħquh biex eventwalment Yates spiċċa r-rebbieħ.
Carapaz huwa l-leader il-ġdid meta għandu ħin ta’ 58:21:28, hekk kif għandu vantaġġ ta’ 7 sekondi fuq Juan Pedro Lopez li proprju ċeda l-quċċata tal-klassifika.