Sunday, October 5, 2025

Gisèle Pelicot se tattendi l-Qorti tal-Appell hekk kif ir-raġel li nstab ħati li stupraha appella mis-sentenza

Aqra wkoll

Gisèle Pelicot, li għaddiet minn kważi għaxar snin ta’ stupru li kien jinvolvi għexieren ta’ rġiel u wara li kienet iddrogata mill-eks raġel tagħha, għada se terġa’ tkun preżenti l-Qorti fi Franza wara li wieħed mill-irġiel li nstab ħati li stupraha se jerġa’ jibda jinstema’ l-ġuri tiegħu wara li kien appella mill-verdett.

Pelicot ġiet deskritta bħala “eroj femminili” wara li ddeċidiet li tirrinunzja d-dritt tagħha għall-anonimità fil-ġuri tal-eks raġel tagħha u dak ta’ 50 raġel ieħor is-sena l-oħra.

L-Avukat tagħha Antoine Camus qal li l-klijenta tiegħu kienet tippreferi ma tiffaċċjax il-kalvarju li tattendi ġuri ieħor iżda se tkun preżenti fil-proċess ta’ erbat ijiem fil-Qorti tal-Appell ta’ Nîmes, fin-nofsinhar ta’ Franza.

“Se tkun hemm biex tispjega li stupru huwa stupru, li m’hemm l-ebda ħaġa bħal stupru żgħir,” qal Camus f’kummenti ma’ Agence France-Presse.

Husamettin Dogan, ta’ 44 sena, bennej li ngħata sentenza ta’ disa’ snin ħabs talli stupra lil Pelicot, appella kontra s-sentenza tiegħu. F’ġuri li sar is-sena li għaddiet, instema’ kif huwa kien għamel kuntatt mal-eks raġel tagħha, Dominique Pelicot, f’chatroom u saq lejn id-dar tal-koppja fl-istess lejl f’Ġunju 2019, fejn qal lil martu li kien se joħroġ. Huwa nstab ħati li stupra lil Gisèle Pelicot waqt li kienet mitlufa minn sensiha.

Dogan stqarr li huwa ħaseb li din kienet biss logħba u enfasizza li huwa mhuwiex “stupratur”. L-Avukat tiegħu rrifjuta li jikkummenta qabel il-proċess tal-appell.

Dominique Pelicot kien ingħata sentenza ta’ 20 sena ħabs talli ddroga lill-eks mara tiegħu Gisèle u stieden għexieren ta’ rġiel biex jistuprawha f’darha fin-nofsinhar ta’ Franza fuq perjodu ta’ kważi għaxar snin. Xejn inqas minn 50 raġel ieħor kienu nstabu ħatja b’rabta ma’ dan il-każ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport