Saturday, December 28, 2024

Glaċieri fl-Alpi qed jitgħattew biex ikunu protetti mis-sħana estrema

Aqra wkoll

Glaċieri antiki fl-Alpi qed jiġu mgħottijin b’kutri u lożor bojod biex jipproteġuhom mis-sħana tas-sajf. Il-proċess li jiġu mgħottijin ħafna mill-glaċieri fl-Iżvizzera qed isir f’attentat biex dawn jiġu salvati u ma jdubux bis-sħana tax-xemx. 

Il-kutri u lożor li huma reżistenti għall-UV tar-raġġi tax-xemx ma tqegħdux hemm biss bħala tweġiba għal din il-mewġa ta’ sħana iżda wkoll minħabba li l-klima qed tisħon b’mod aktar ġenerali u qed tħalli effetti diżastrużi ħafna. Il-kutri u lożor huma stmati li jnaqqsu l-estent tat-tidwib tas-silġ sa 70%.

Dan huwa meħtieġ hekk kif matul l-aħħar 120 sena l-Iżvizzera tilfet madwar 1,300 metru ta’ glaċieri tant li f’dawn iż-żoni, minflok is-silġ issa hemm biss ġebel espost. 

Il-proċess li jitgħattew il-glaċieri bilgħan li jkun protetti ilu jsir għal dawn l-aħħar ħames snin. Dan ukoll għaliex iż-żoni meraviljużi miksijin bis-silġ ilhom ikunu attrazzjoni għal mijiet ta’ eluf ta’ nies partikularment il-glaċier ta’ Rhone.

Il-glaċier ta’ Rhone huwa sors ewlieni ta’ turiżmu għar-reġjun peress li huwa faċilment aċċessibbli u għandu grotta li kulħadd jista jżurha. Hija wkoll is-sors tax-xmara li ġġib l-istess isem, u tipprovdi wkoll l-ilma lill-Għadira  (lag) ta’ Ġinevra.

Hemm il-biża’ li l-Isvizzera tista’ titlef il-glaċieri kollha tagħha sas-sena 2100. Glaċieri oħra fil-pajjiż ukoll qed jiġu mgħottijin bil-kutri fosthom il-glaċieri fuq il-muntanja Titlis fiċ-ċentru tal-Isvizzera.

Il-kontinwent Ewropew bħalissa jinsab għaddej minn mewġa ta’ sħana kbira li kkawżat ukoll nirien kbar u mifruxa fil-Portugall, fi Spanja u Franza. Ir-Renju Unit ukoll min-nhar il-Ħadd li ġej mistenni jinħakem minn arja sħuna tant li l-uffiċċju meterjoloġiku diġa’ beda joħroġ twissijiet ta’ sħana estrema.

Ekonomija

Sport