Saturday, November 30, 2024

Ġlied bejn il-pulizija u dimostranti favur l-UE fil-Georgia

Aqra wkoll

Eluf ta’ persuni lbieraħ ħarġu fit-toroq ewlenin ta’ Tbilisi, il-kapitali tal-Ġorgja f’dimostrazzjoni ta’ protesta wara li l-Prim Ministru ssospenda t-taħditiet dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea sal-2028 kif ukoll għax hemm tendenza u biża li kulma jmur, il-gvern qed iressaq aktar il-pajjiż lejn ir-Russja.

F’xi waqtiet il-protesti saru vjolenti bi ġlied mal-pulizija tant li l-President tal-pajjiż akkużat lill-gvern li ddikjara ‘gwerra fuq in-nies tiegħu stess’. 

Il-pulizija sparat kanuni tal-ilma u wżat ‘pepper spray’ u gass tad-dmugħ biex ixerrdu d-dimostranti hekk kif nies lebsin maskra ppruvaw jidħlu fil-parlament. Xi dimostranti tefgħu murtali lejn il-pulizija. 

Eluf ta’ dimostranti mblukkaw toroq fil-kapitali qabel ma beda l-ġlied. Il-President tal-pajjiż li hija favur l-UE, Salome Zourabichvili, filwaqt li akkużat lill-gvern li ddikjara “gwerra” fuq in-nies tiegħu stess, ikkonfrontat lill-pulizija tal-irvellijiet, u staqsiet jekk kienux qed jaqdu lill-Ġorġja jew lir-Russja.

F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-mexxejja tal-oppożizzjoni, il-president Zourabichvili qalet li dan il-jum jimmarka punt sinifikanti, jew aħjar, il-konklużjoni tal-kolp ta’ stat kostituzzjonali li ilu jseħħ għal diversi ġimgħat u sostniet li hi “l-uniku rappreżentant leġittimu” tal-pajjiż.

It-tħabbira tal-gvern tal-Ġorġja saret sigħat wara li l-parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tirrifjuta r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta’ Ottubru tal-Ġorġja, billi kienu allegati “irregolaritajiet sinifikanti”.

Ir-riżoluzzjoni sejħet għal elezzjonijiet ġodda fi żmien sena taħt superviżjoni internazzjonali u biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-ogħla uffiċjali Ġorġjani, inkluż il-prim ministru, Irakli Kobakhidze.

Xi dimostranti sostnew li l-Georgian Dream ma rebaħx l-elezzjonijiet u għamel kolp ta’ stat. Għalhekk m’hemm l-ebda parlament jew gvern leġittimu fil-pajjiż u l-poplu mhux se jħalli lill-Prim Ministru awtoproklamat jeqred il-futur Ewropew tal-poplu.

Ir-relazzjonijiet tal-Ġorġja mal-UE marru għall-agħar f’dawn l-aħħar xhur hekk kif Brussell allega li l-gvern kien irrikorra għal miżuri awtoritarji u adotta pożizzjonijiet favur ir-Russja.

Il-gvern jgħid li mhuwiex pro-Russu u li huwa impenjat għad-demokrazija u l-integrazzjoni mal-punent u li s-sħubija fl-UE eventwalment trid issir. Mdankollu, ripetutament il-gvern kien involut f’battibekki diplomatiċi ma’ Brussell f’dawn l-aħħar snin, filwaqt li approfondixxa r-rabtiet mar-Russja.

Bħala riżultat ta’ dan, stqarrija tal-partit Georgian Dream qalet li l-kwistjoni tal-ftuħ tan-negozjati mal-Unjoni Ewropea mhux se tkun fuq l-aġenda sa tmiem l-2028 u se jirrifjuta kwalunkwe għotja baġitarja mill-Unjoni Ewropea sal-aħħar tal-2028.

Il-pajjiż tan-Nofsinhar tal-Kawkasu b’popolazzjoni ta’ 3.7 miljun għandu l-għan ta’ sħubija fl-UE miktuba fil-kostituzzjoni tiegħu u ilu għal żmien twil fost l-aktar stati eks Sovjetiċi favur il-Punent. 

L-UE kienet iffriżat l-applikazzjoni tal-Ġorġja għas-sħubija u minkejja li ma kien hemm l-ebda reazzjoni formali immedjat mill-UE dwar id-dikjarazzjoni ta’ Georgian Dream, uffiċjal tal-UE qal li l-impatt tad-dimnostrazzjoni ta’ protessta kien kbir u żied li l-gvern kien qed jagħmel dak li l-UE kienet beżgħet li jagħmel.

Stħarriġ tal-opinjoni juri li madwar 80% tal-Ġorġjani jappoġġjaw is-sħubija u l-bandiera tal-UE tittajjar flimkien mal-bandiera nazzjonali prattikament fuq barra tal-binjiet kollha tal-gvern fil-pajjiż.

Il-President Zourabichvili, akkanita favur l-UE u kritiku ħarxa tal-Georgian Dream għandha biss setgħat ċerimonjali. It-terminu tagħha fil-kariga ta’ president jintemm f’Diċembru, u l-gvern diġa nnomina eks-leġiżlatur b’opinjonijiet iebsa kontra l-Punent biex jissostitwiha.

Għall-oppożizzjoni, elezzjoni ta’ Ottubru, li fiha riżultati uffiċjali taw lill-blokk tal-Georġian Dream kważi 54% tal-voti, kienet frawdolenti u rrifjutaw li jieħdu posthom fil-parlament. Il-pajjiżi tal-Punent talbu inkjesta dwar irregolaritajiet u kumpanija globali ta ‘riċerka u data sejħet ir-riżultati uffiċjali rrappurtati mill-kummissjoni elettorali bħala “statistikament impossibbli”.

Aktar kmieni l-Ħamis, il-Prim Ministru Kobakhidze sostna li s-sħubija fl-UE tista’ tagħmel ħsara lill-ekonomija tal-Ġorġja minħabba li tkun teħtieġ li tikkanċella ftehimiet mingħajr viża u ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi oħra.

L-UE tat l-istatus ta’ kandidat lill-Ġorġja f’Diċembru 2023, iżda qalet li sensiela ta’ liġijiet li għaddew minn dakinhar minn Georgian Dream, inklużi trażżin fuq “aġenti barranin” u drittijiet LGBT, huma awtoritarji, ispirati mir-Russja, u ostakoli għas-sħubija fl-UE.

Ir-Russja u l-Ġorġja ma kellhom l-ebda relazzjonijiet diplomatiċi minn meta Moska rebħet gwerra qasira fl-2008, iżda reċentement kellhom ri-avviċinament limitat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport