Saturday, October 26, 2024

Ġlieda bejn gangs f’ħabs fl-Ekwador tħalli 15-il priġunier mejjet

Aqra wkoll

Ġlieda bejn priġunieri f’wieħed mill-akbar ħabsijiet tal-Ekwador – f’Latacunga – ħalliet minn tal-inqas 15-il priġunier mejjet. 

L-aġenzija tal-ħabsijiet nazzjonali Snai qalet li l-priġunieri kienu ġġieldu b’armi tan-nar u skieken, qabel il-gwardjani rnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni. 

Kien irrappurtat li l-Ekwador kellu sensiela ta’ ġlidiet fatali bejn gangs tad-droga ġewwa l-ħabsijiet. L-aġenzija ta-aħbarijiet Efe qalet li aktar minn 400 mietu f’dan il-ġlied sa mill-2020. 

Il-midja Ekwadorjana rrapportat li fost dawk li nqatlu fil-ġlied li kien hemm fil-ħabs ta’ Cotopaxi ta’ Latacunga kienu jinkludu allegat kap ta’ gang tad-droga, Leandro Norero. Huwa kien arrestat f’Mejju li għadda fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. 

Il-vjolenza faqqgħet wara ċensiment tal-priġunieri. Dan sar ftit wara li esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-prevenzjoni tat-tortura żaru l-Ekwador biex jivvalutaw l-isforzi tiegħu biex titrażżan il-vjolenza fil-ħabs.

F’April, il-President tal-Ekwador Guillermo Lasso ddikjara stat ta’ emerġenza fi tliet provinċji biex titrażżan il-vjolenza relatata mal-gangs marbuta mat-traffikar tad-droga. Emerġenza simili kienet iddikjarata s-sena l-oħra. 

L-akbar ġlieda fil-ħabs kienet dik li seħħet fil-belt ta’ Guayaquil f’Settembru tas-sena li għaddiet, fejn b’kollox kienu mietu aktar minn 120 priġunier. 

Is-sena li għaddiet, il-pulizija tal-Ekwador qabdet rekord ta’ 190 tunnellata ta’ droga, l-aktar kokaina. 

Sport