Friday, December 13, 2024

Ġnien flok konkos: jibdew ix-xogħlijiet għal spazju ġdid aħdar f’Pembroke

Aqra wkoll

Project Green tat bidu għax-xogħlijiet sabiex żona ta’ madwar 8,870 metru kwadru f’Pembroke tinbidel fi spazju miftuħ, proġett li se jkun qiegħed joħloq ġnien komunitarju f’lokalità tant urbanizzata. Il-Ġnien William Harding f’Pembroke se jkun qed jiġi żviluppat fuq sit li kien miksi bil-konkos.

Din ir-riġenerazzjoni se twassal għat-tħawwil ta’ 100 siġra, ġibjun taħt l-art u r-restawr tal-ħitani tas-sejjieħ fost oħrajn. Bi preparazzjoni għal dan ix-xogħol, bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ skavar u l-formazzjoni tal-passaġġi. Dan il-ġnien, li mistenni jitlesta fl-2025, ser ikun aċċessibbli għal madwar 1,000 familja f’inqas minn 10 minuti mixi. 

It-tħawwil tas-siġar u pjanti se jsaħħu l-bijodiversità tal-ġnien waqt li jagħtu dehra isbaħ lill-ispazju. Żoni dedikati għall-logħob tat-tfal u żoni dedikati għall-pikniks se jipprovdu spazju versatili, fejn persuni ta’ kull età jistgħu jgawdu ambjent nadif u sabiħ.  

Il-proġett mhux se jaffettwa n-numru ta’ spazji eżistenti.

Cheryl Camilleri, Perit ta’ Project Green, spjegat li x-xogħlijiet jinsabu fl-ewwel fażi tagħhom. “Qegħdin inħaffru madwar metru taħt il-livell tal-art eżistenti, sabiex nipprovdu s-siġar ġodda ħamrija fonda biżżejjed biex tiżgura t-tkabbir tagħhom. Bdejna nippjanaw ukoll passaġġ li se jinbena minn materjali permeabbli, sabiex jippermetti l-ilma tax-xita jiffiltra bil-mod.”  

Passaġġi aċċessibbli se jgħaqqdu l-ġnien minn tarf sa tarf. Il-ħitan li jisseparaw iż-żoni baxxi minn dawk għoljin, se jiġu stabbilizzati jew mibnija mill-ġdid f’ċerti sezzjonijiet, biex nevitaw  l-erożjoni u t-telf ta’ ħamrija waqt ix-xita qawwija.  

“Fir-rigward tat-tisqija se ntejbu u nużaw konnessjonijiet li jwasslu għal tliet ġibjuni storiċi kbar tal-era Brittanika,” qalet Camilleri.  

Il-Ġnien William Harding ġewwa Pembroke mistenni jsir ċentru ta’ rilassament, rikreazzjoni, u konnessjoni soċjali.  

Project Green qed taħdem fuq portafoll ta’ 118-il proġett f’Malta u Għawdex. Proġetti oħra li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jinkludu Ġnien l-indipendenza f’Birżebbuġa, Villa Portelli Gardens f’Kalkara, il-ġnien ta’ St Michael’s, b’kollaborazzjoni ma’ Hospice, u Ġnien is-Serenita’ f’Santa Luċija.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport