Kollaborazzjoni bejn Project Green u Hospice Malta wasslet għal ħolqien ta’ ġnien mill-isbaħ ġewwa l-faċilita ta’ Hospice Malta f’Santa Venera, spazju ta’ rilassament biex jitgawda mir-residenti ta’ Hospice u l-membri tal-familja tagħhom. L-għan huwa li l-ġnien joffri mumenti ta’ serenità għal dawk li qed jiffaċċjaw l-isfidi ta’ mard serju u jgħin biex joħloq memorji ġodda għall-pazjenti u l-maħbubin tagħhom.
Il-Ministeru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri, flimkien maċ-chairperson ta’ Hospice Malta Bernardette Bonnici Kind u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Delia żaru l-ġnien hekk kif tlesta, medda ta’ 2,700 metru kwadru.
Żaru l-ġnien ukoll residenti li diġa jinsabu ġewwa l-kumpless f’Santa Venera. Huma esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li dan l-ispazju qed joffrilhom elementi naturali fl-istess post li qed jgħixu fih.
Il-ġnien tfassal b’tali mod li jindirizza l-ħtiġijiet tar-residenti ta’ Hospice u l-familji tagħhom. Il-kunċett tad-disinn huwa mibni fuq aċċessibilita, fejn is-sodod tar-residenti jistgħu jinħarġu fil-ġnien. Is-siġar, fjuri u arbuxelli ntgħażlu skont il-benefiċċji terapewtiċi li joffru filwaqt li l-karatteristiċi tal-ilma jgħinu biex joħolqu ambjent aktar seren.
“Il-Ġnien tal-Hospice San Mikiel huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu noħolqu spazji li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li għandhom bżonn serħan u kura, b’mod speċjali fl-aktar mumenti diffiċli f’ħajjithom. Inħossni kburija illi b’dan il-proġett qed ngħinu lil Hospice Malta jkomplu joffru servizz mill-aktar bżonnjuż għall-pazjenti,” stqarret il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ġnien jinkludi żoni dedikati għall-membri tal-familja u t-tfal li jiġu jżuru lill-pazjenti, inkluż tagħmir tal-logħob. Għall-manutenzjoni effiċjenti u sostenibbli, nħoloq ġibjun għall-ilma tax-xita li jintuża għal waqt it-tisqija. Is-siġar mħawwla se joffru kenn mix-xemx.
“Ridna noħolqu spazju li jissimbolizza l-paċi u l-inklussività, u li jindirizza kemm il-bżonnijiet funzjonali ta’ ġnien għall-hospice kif ukoll il-benefiċċji terapewtiċi tan-natura. Kull element ġie magħżul b’attenzjoni biex jippromwovi l-elementi ta’ kura palljattiva,” qalet Il-Perit Katrina Grech Mallia.
“Dan il-ġnien huwa xhieda tal-impenn tagħna biex nipprovdu kumdità, paċi, u dinjità lill-pazjenti tagħna u lill-familji tagħhom f’mumenti ta’ sfida. Nirringrazzjaw lill-Project Green talli appoġġaw il-missjoni tagħna u ħadu ħsieb l-iżvilupp ta’ dan il-ġnien, li se jservi bħala spazju sinifikanti kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-maħbubin tagħhom,” stqarret ic-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind.
Dan il-ġnien sar b’investiment ta’ €1.2 miljun minn Project Green permezz tal-Community Greening Grant.