Sunday, September 28, 2025

Ġnien Komunitarju li jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet – “Minn Ħolma għall-Ħsad”

Aqra wkoll

Il-proġett Sow, Grow, Unite Community Garden beda mill-entużjażmu u d-determinazzjoni tal-Kumitat EkoSkola u l-programm xjentifiku u ambjentali GLOBE. L-istudenti tal-Iskola Medja Agius de Soldanis fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex kellhom ħolma sempliċi iżda kbira: li jkabbru l-prodotti tagħhom stess, iqattgħu ħin fin-natura u jinvolvu lill-komunità kollha.

Iżda kellhom sfida quddiemhom minhabba nuqqas ta’ ġonna fil-binja tal-iskola biex dan iseħħ, u raw potenzjal kbir ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Ipproponew l-idea lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, l-Onor. Jo Etienne Abela, kif ukoll lis-CEO tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, is-Sinjura Carmen Ogilvie Galea, u dawn mhux biss emmnu fil-ħolma tagħhom, iżda tawhom l-appoġġ meħtieġ biex issir realtà.

Il-ġnien komunitarju li jinsab quddiem ir-Residenza Sant’ Anna tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, mhux biss biċċa art imma klassi fil-beraħ. Hawnhekk, l-istudenti, l-edukaturi, il-ġenituri, ir-residenti anzjani u l-ħaddiema tal-isptar jaħdmu flimkien, jaqsmu l-esperjenzi u l-għarfien tagħhom u jikbru flimkien. Dan il-ġnien komunitarju jsaħħaħ ir-rabtiet interġenerazzjonali li qed iħallu mpatt kemm fuq l-istudenti – għax jitgħallmu mill-għerf tal-anzjani – kif ukoll fuq l-anzjani, li jieħdu ħajja ġdida mill-enerġija tal-istudenti.

L-għanijiet tal-ġnien komunitarju, kif spjegat mill-kumitat tal-EkoSkola, huma ċari u sinifikanti:

• Tissaħħaħ il-konnessjoni mal-komunità u man-natura,

• Jinkoraġġixxi l-produzzjoni ta’ ikel lokali, staġjonali u sostenibbli,

• Tingħata opportunità lill-istudenti u l-familji tagħhom biex ikabbru l-ikel tagħhom stess.

U dan kollu qed isir b’mod sostenibbli, mingħajr l-użu ta’ bexx u/jew pestiċidi, sabiex tissaħħaħ il-bijodiversità filwaqt li jħaddan bis-sħiħ il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli fosthom: is-saħħa u l-benesseri, bliet u komunitajiet sostenibbli, konsum u produzzjoni responsabbli, azzjoni dwar il-klima u ħajja fuq l-art.

Din l-inizjattiva innovattiva u unika għall-gżejjer Maltin qed toffri opportunità lill-istudenti jqattgħu bosta sigħat ta’ kwalità mall-familji tagħhom u l-edukaturi f’kuntatt man-natura, tagħlim b’mod prattiku cross kurikulari u esperjenzi sinifikanti barra mill-klassi. Barra minn hekk, ħafna mill-ħsad tal-prodotti mkabbra fil-ġnien ittieħed l-iskola fejn l-istudenti ħejjew u kielu dak li kabbru huma stess, esperjenza mill-għalqa sal-platt!

Biex ikomplu jinkoraġġixxu l-użu ta’ prodotti lokali u staġjonali, ġie ppubblikat ktieb Fil-Ġnien man-Nanna fil-Ħarifa u fix-Xitwa b’ġabra ta’ riċetti sspirati mill-prodotti mkabbra fil-ġnien komunitarju. Kopja ta’ dan il-ktieb tista’ tinkiseb mill-Iskola Medja t’Għawdex jew mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-ġnien komunitarju huwa r-riżultat ta’ sforz kollaborattiv bejn l-Iskola Medja Agius de Soldanis fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex, GLOBE Malta, Nature Trust–FEE Malta u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.

Ramona Mercieca, koordinatriċi tal-proġett u għalliema fl-Iskola Medja, saħqet li: “Dan huwa eżempju ċar ta’ x’nistgħu niksbu meta l-iskejjel, il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet jaħdmu id f’id b’viżjoni komuni. Hi x-xewqa tal-kumitat li din l-inizjattiva tigi estiza f’lokalitajiet oħra f’Għawdex u f’Malta.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport