Monday, December 9, 2024

Ġnien l-Indipendenza: Il-Ġnien tal-Birżebbuġin

- Scott Camilleri, is-Sindku Kunsill Lokali Birżebbuġa

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, bħala Kunsill Lokali, kellna l-opportunità li nerġgħu nifthu mill-ġdid Ġnien l-Indipendenza – ġnien li għandu l-bidu tiegħu fit-12 ta’ Novembru 1989. Sa mill-aħħar tas-snin tmenin, Birżebbuġa ma kinitx magħrufa għall-ġonna tagħha iżda pjuttost għall-bajja pittoreska u ż-żoni mhux urbani bħal dawk ta’ wara l-knisja u Bengħajsa. Bil-passaġġ taż-żmien, inħass il-bżonn ta’ spazji miftuħa ġodda, u Ġnien l-Indipendenza sar wieħed mill-ewwel ġonna stabbiliti fil-lokalità.

Dan il-ġnien għandu karatteristiċi uniċi, fosthom funtana, ġibja li tiġbor l-ilma tax-xita minn diversi toroq tal-madwar, kif ukoll spazji miftuħa għall-mistrieħ taħt siġar maturi. Madankollu, wara 35 sena, dan il-ġnien kellu bżonn restawr u modernizzazzjoni biex ikun jista’ jilqa’ aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità tal-lum.

Wara konsultazzjoni ma’ Project Green, dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni sar bħala parti minn sensiela ta’ inizjattivi li qed jitwettqu flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Ġnien l-Indipendenza, li jkopri żona ta’ 1,700 metru kwadru, kien ilu għal snin twal f’kundizzjoni ħażina, bi problemi strutturali u spazji li ma kinux aċċessibbli.

Il-proġett jinkludi:

• Bini ta’ ħitan ġodda;

• Tħawwil ta’ tmien siġar ġodda;

• Livellar tal-art;

• Installazzjoni ta’ tagħmir modern u canopies għall-kenn;

• Żieda ta’ rampi biex l-aċċess ikun aktar faċli għal kulħadd;

• Użu ta’ materjali sostenibbli u sistema ġdida ta’ irrigazzjoni effiċjenti.

Il-ġnien issa huwa spazju aktar sigur, aċċessibbli, u adattat għar-rekwiżiti tal-komunità ta’ Birżebbuġa. Dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Kunsill Lokali biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti kollha tal-lokalità. Ġnien l-Indipendenza ma huwiex biss ġnien iżda simbolu importanti għall-villaġġ u l-komunità tagħna.

Nixtieq nagħlaq b’radd ta’ ħajr speċjali lill-Ministeru għall-Ambjent, rappreżentat mill-Ministru Miriam Dalli, lit-tmexxija u l-ħaddiema kollha tal-aġenzija Project Green, kif ukoll lill-kunsilliera u l-ħaddiema fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, li b’ħidmiethom ħolqu spazju ġdid li jġib ’il quddiem il-ġid tal-komunità tagħna.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport