Wednesday, June 4, 2025

Ġnien Marcel Pisani – Spazju miftuħ u aħdar ġdid għal aktar minn 240 persuna b’diżabilità f’Dar il-Kaptan

Aqra wkoll

F’Dar il-Kaptan, għaqda volontarja li toffri servizzi ta’ respite lill-persuni b’diżabilità kif ukoll appoġġ lill-familjari tagħhom, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia inawgura Ġnien Marcel Pisani, spazju miftuħ u aħdar ġdid għal aktar minn 240 persuna b’diżabilità.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal li, “L-inawgurazzjoni ta’ Ġnien Marcel Pisani f’Dar il-Kaptan mhijiex biss ċelebrazzjoni ta’ spazju miftuħ ġdid, iżda ġest simboliku u konkret li juri kif il-politika tista’ tkun tassew umana meta tpoġġi d-dinjità tal-persuna fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.”

Is-segretarju parlamentari rrimarka li Ġnien Marcel Pisani ser ikun monument li permezz tiegħu jingħaqdu numru ta’ setturi flimkien fosthom dawk ambjentali, soċjali u tal-inklużjoni, setturi li qegħdin jingħataw prijorità fil-ħidma tal-Gvern u tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Huwa kkonkluda billi qal li, “Dan l-investiment sostenibbli mhux biss irawwem ambjent aħjar, iżda jġib miegħu sens ta’ rispett, inklużjoni u ħajja ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għal aktar minn 240 persuna b’diżabilità.”

Iċ-Chairman ta’ Dar il-Kaptan Martin Saliba, filwaqt li rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal ħidmiethom biex dan il-proġett seta’ jkun possibbli, enfasizza li permezz ta’ Ġnien Marcel Pisani, persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ Dar il-Kaptan, flimkien mal-familjari tagħhom issa għandhom post sigur u sostenibbli li jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.

B’investiment ta’ nofs miljun, fl-ewwel fażi tal-proġett, ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-iddisinjar mill-ġdid ta’ dan l-ispazju miftuħ. Wara din il-fażi, ġew imħawwla numru ta’ siġar u arbuxelli kif ukoll tqiegħed pavimentar ġdid li jixraq mal-post, filwaqt li nħolqu passaġġi madwar l-ispazju miftuħ. Dan kollu huwa kkomplementat b’għamara ta’ barra u tagħmir modern ieħor ta’ rikreazzjoni u eżerċizzju. Kienu installati lanterni ġodda b’lampi li jikkunsmaw inqas enerġija filwaqt li jdawlu aħjar il-post, kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni għall-pjanti u s-siġar.

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ dan l-ispazju miftuħ fil-qalba ta’ Dar il-Kaptan, jifforma parti minn katina ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa oħrajn, li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qegħdin jaħdmu fuqhom madwar il-pajjiż, fosthom żewġ spazji miftuħa f’Ħaż-Żebbuġ, fil-Mosta, l-Imqabba u Ħal Kirkop fost lokalitajiet oħrajn.

Il-ġnien huwa msemmi għal Marcel Pisani, li twieled fl-1951 u miet fl-2017, wara battalja mal-marda tal-kanċer, huwa missier ta’ żewġt itfal b’diżabilità u ddedika ħajtu għas-settur tad-diżabilità u huwa wieħed il-fundaturi ewlenin tal-ewwel grupp ta’ appoġġ għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità – is-Soċjetà Nazzjonali tal-Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabilità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport