Wednesday, July 16, 2025

Ġnien uniku multisensjorjali f’Raħal Ġdid

Għaddej ix-xogħol fuq spazju miftuħ innovattiv li jippromovi l-indipendenza u l-inklużjoni

Aqra wkoll

Bdew ix-xogħlijiet fuq ġnien ġdid ta’ madwar 5,000 metru kwadru f’Raħal Ġdid, spazju miftuħ li se jservi bħala ġnien terapewtiku u multisensorjali, b’mod speċjali għal persuni bl-awtiżmu u membri oħra tal-komunità li jibbenefikaw minn ambjent sabiħ u inklussiv.

Il-proġett, li huwa l-ewwel ġnien multisensorjali, qed isir bl-inizjattiva tal-Aġenzija Sapport u Project Green u taħt il-gwida tal-Ministri Miriam Dalli u Julia Farrugia li żaru l-ewwel fażijiet tax-xogħol flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.

“Għaddej bosta xogħol fuq numru ta’ spazji miftuħa madwar il-pajjiż. Meta wegħedna li kulħadd se jkollu spazju miftuħ aċċessibbli għalih, ma fissirniex biss li jkollna l-ġonna f’kull lokalità. Iżda li qed noħolqu spazji differenti, għal bżonnijiet differenti u gosti differenti. Il-viżjoni tagħna hija dik ta’ Malta b’saħħitha, ambjentali, sabiħa u inklussiva, li ma tħalli lil ħadd barra,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Julia Farrugia saħqet kif dan l-investiment imur lil hinn mill-aspett estetiku tal-post – l-għan ewlieni huwa li jipprovdu spazju modern u aċċessibbli għal persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri tal-Aġenzija Sapport. “Il-ġnien sensorjali huwa mfassal apposta biex joffri ambjent inklussiv b’enfasi fuq mezzi multisensorjali, li jippromwovi l-indipendenza, il-parteċipazzjoni soċjali u l-attività fiżika. Dan il-proġett huwa wkoll konformi mal-impenn tal-Gvern fl-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu ta’ Malta għall-2021–2030, li tħeġġeġ għal ambjenti inklussivi u adattati għan-nies fuq l-ispettru tal-awtiżmu,” qalet il-Ministru Farrugia.

Ix-xogħlijiet qed jittrasformaw din iż-żona f’ambjent ħaj u aċċessibbli. Il-ġnien se jkun mgħammar b’elementi bħal balance trails, stepping logs, u żoni għal interazzjoni soċjali li jgħinu biex jissaħħu l-mobilità, il-kordinazzjoni u l-konnessjoni emozzjonali mal-ambjent.

Wieħed mill-elementi ewlenin huwa pitch tal-bocce ddisinjat skont l-istandards tal-iSpecial Olympics, li se jservi bħala ċentru ta’ taħriġ u attivitajiet sportivi għal kulħadd. Barra minn hekk, hemm ukoll basketball court li se jiġi rinnovat sabiex ikun aċċessibbli, filwaqt li l-ġnien kollu huwa pjanat biex ikun aċċessibbli għal kulħadd, inkluż dawk b’mobilità limitata jew sfidi oħra.

Il-Kap tal-Implimentazzjoni fi ħdan Project Green, Liana Saliba Gazzano, qalet, “Matul dan il-proġett qed nikkolaboraw mal-Aġenzija Sapport, fejn qed ngħaqqdu l-esiġenzi tal-komunità ma’ dawk tar-residenti tal-Aġenzija Sapport. Għaldaqstant qed inkomplu naħdmu biex naraw dan il-proġett isir realtà u jibda jitgawda minn kulħadd.”

Oliver Sciculna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, sostna li dan il-proġett u l-kollaborazzjoni ma’ Project Green jirrappreżentaw pass konkret lejn soċjetà aktar inklussiva. “Grazzi għal din l-inizjattiva, l-Aġenzija qed twessa’ l-impenn tagħha lejn l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà, mhux biss għal dawk li jagħmlu użu mis-servizzi tagħna, iżda wkoll għall-komunità inġenerali. Il-ħolqien ta’ dan l-ispazju multisensorjali jagħti valur miżjud lill-komunità kollha, billi jindirizza b’mod attiv il-bżonnijiet sensorjali u ta’ aċċess għal kulħadd, u jsaħħaħ is-sens ta’ parteċipazzjoni u appartenenza.”

Meta jitlesta, il-ġnien se jkun miftuħ għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn in-12:30pm u s-6:00pm, u s-Sibt u l-Ħadd bejn is-7:00am u s-6:00pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport