Saturday, December 14, 2024

GO tiċċelebra l-ewwel sena ta’ TOKIS

L-istazzjon tat-TV iddedikat għall-kontenut Malti b'4 miljun views

Aqra wkoll

GO qed tiċċelebra ċifri ta’ suċċess fi tmiem l-ewwel skeda tal-istazzjon televiżiv tagħha TOKIS li beda jxandar uffiċjalment għall-ewwel darba fit-30 ta’ Settembru 2022.

“Hekk kif bdejna nxandru TOKIS, GO kienet diġà rreġistrat ‘il fuq minn 1.7 miljun views għall-kontenut li kien disponibbli bħala video on demand. Minn dakinhar ‘l hawn, bis-seba’ produzzjonijiet tagħha, li b’mod kollettiv kellhom iżjed minn 5000 siegħa ta’ kontenut x’joffru, GO kienet qed tirreġistra medja ta’ madwar 155,000 views kuljum. Illum, din l-udjenza qabżet l-4 miljun view. Dan wassal biex TOKIS huwa fost l-erba’ stazzjonijiet l-aktar imfittxija f’Malta. L-istazzjon tagħna qed jopera 24 siegħa kuljum,” ħabbret Alison Mercieca, Senior Marketing Manager ta’ GO.

Ritratti: GO

GO kienet introduċiet TOKIS, librerija esklussiva dedikata kollha kemm hi għal kontenut ta’ televiżjoni Malti biex twassal iżjed valur lill-klijenti tagħha,. U biex tkompli ssaħħaħ l-esperjenza tal-klijenti, GO investiet €1 miljun billi kkummissjonat 1000 siegħa ta’ produzzjonijiet ta’ drama bil-Malti esklussivament għall-klijenti ta’ GO TV. Dan l-investiment sostanzjali juri l-fiduċja li GO għandha fit-talent lokali u l-impenn tagħha li xxandar l-istejjer li Malta għandha x’toffri.

“TOKIS mistenni jitniżżel bħala pass sinifikanti fl-evoluzzjoni tal-istorja tat-televiżjoni ta’ Malta grazzi għall-varjetà ta’ kontenut li jappella għal nies ta’ kull età, b’interessi differenti,” żiedet tgħid is-Sa. Mercieca.

Hija spjegat ukoll kif GO bdiet il-vjaġġ tagħha fil-qasam tat-televiżjoni fl-2007 meta bdiet tiffoka fuq it-teknoloġija, il-pjattaforma u l-user interface tagħha. Eventwalment, GO fehmet li biex tipprovdi l-esperjenza sħiħa li l-konsumaturi kienu qed jistennew kellha tara kif twassal il-kontenut li jħobbu l-iżjed.

“Il-ħolqien ta’ TOKIS ma kienx ibbażat biss fuq l-istatistika li baqgħet turina kemm il-Maltin qed ifittxu kontenut lokali, speċjalment produzzjonijiet ta’ drama. Il-produzzjoni ta’ kontenut Malti ta’ kwalità għolja kienet importanti ħafna għalina wkoll u kien għalhekk li ddeċidejna li ninvestu €1 miljun sabiex l-industrija tal-films lokali tipproduċi kontenut ġdid u iżjed rikk. Is-suċċess li bdejna naraw wassal biex GO tkabbar dan l-investiment għal €3 miljuni fuq tliet snin.”

“Inħossuna partikolarment kburin bil-fatt li filwaqt li stazzjonijiet oħra wrew ħafna kontenut barrani, TOKIS ipprovda kontenut tajjeb, oriġinali u ta’ kwalità għolja bil-lingwa Maltija,” żied jgħid Antonio Ivankovic, il-Kap Kummerċjali ta’ GO.

“Nittamaw li l-komunità lokali tapprezza li dan huwa l-mod tagħna biex nippromwovu t-talent Malti u ngħinu lill-pajjiż iħares il-wirt, il-kultura u iżjed importanti, l-ilsien tiegħu.”

Is-Sur Ivankovic ħabbar li TOKIS se jkompli jwassal kontenut li t-telespettaturi ta’ GO ilhom isegwu u jgawdu matul dawn l-aħħar xhur.

“TOKIS għenna nifhmu dak li jridu jaraw il-klijenti tagħna, u dan irridu nkomplu nwettquh. Fil-fatt, minbarra investiment kontinwu fid-drama Maltija, qed nippjanaw ukoll kontenut ġdid li jirrifletti l-preferenzi u l-aspettattivi tal-klijenti. Fl-iskeda li jmiss li tibda f’Settembru, qed nippjanaw li nintroduċu programm ta’ diskussjoni, kif ukoll produzzjoni ta’ divertiment bl-involviment ta’ artisti tal-mużika lokali,” ħabbar is-Sur Ivankovic.

Minn Settembru, it-telespettaturi se jibdew igawdu l-ispettaklu mużikali eċċitanti ‘Boomers’, fejn kantanti veterani Maltin se juru t-talent tagħhom bl-interpretazzjoni ta’ kanzunetti kontemporanji. U għal dawk li jħobbu d-drama ispirata mis-CSI, is-sensiela ‘Persuni Rapurtati Nieqsa’ se tkun qed issegwi tim ta’ investigaturi dedikati li jsolvu każijiet kumplessi. It-telespettaturi se jkunu jistgħu wkoll jidħlu f’diskussjonijiet li jqanqlu l-ħsieb mal-udjenza fuq ‘Il-Każin’, talk show konvinċenti mmexxi minn Jon Mallia. U għal dawk li qed ifittxu serje ta’ drama ħafifa iżda intensa, għandhom ikunu ħerqana għall-produzzjoni ‘Il-President’ – bl-idea li figura kontroversjali u mhux konvenzjonali tintagħżel sabiex tokkupa l-ogħla kariga tal-pajjiż – b’Peppi Azzopardi bħala l-President ta’ Malta.

Minbarra dawn il-produzzjonijiet ġodda, TOKIS se jkompli juri t-tieni staġun ta’ Mejta biex Ngħix, Spettur Leonard u Luna, it-tielet staġun ta’ Noli u l-ħames staġun ta’ Ċaqqufa.

“GO, tibqa’ impenjata li twassal aktar valur miżjud lill-klijenti leali tagħna u għalhekk se nibqgħu ninvestu fl-offerta tagħna tat-TV. L-għan aħħari tagħna huwa li nsawwru Malta diġitali, fejn ħadd ma jibqa’ lura u kulħadd isib kontenut oriġinali u interessanti,” temm is-Sur Ivankovic.

Ekonomija

Sport