Arthur Cachia l-uniku plejer Malti li kien fadal jikkompeti waqt tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker fil-kategorija individwali tas-Seniors, it-Tlieta, tilef fil-kwarti finali.
L-avversarju ta’ Cachia kien Darren Morgan rebbieħ ta’ dan il-Kampjonat Ewropew tas-Seniors tal-E.B.S.A. għal diversi snin wara li kien temm aktar minn għoxrin sena karriera professjonali fis-snooker. Il-plejer minn Wales li llum għandu 59 sena bla dubju beda bħala favorit assolut għal dan il-konfront u għeleb lil plejer Malti bil-punteġġ ta’ 4-1.
Sadanittant, it-Tlieta, beda wkoll tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker fil-kategorija tas-Seniors għat-timijiet fejn fl-ewwel jum minn tlieta allokati għal din il-kategorija t-tlett timijiet Maltin kollha lagħbu l-ewwel konfronti tagħhom.
Malta 1 kompost minn Alex Borg u Arthur Cachia tilfu l-ewwel logħba kontra l-Albanija – Edlir Kurthysa u Mohamed Elaboody, 3-2, filwaqt li aktar tard rebħu b’mod faċli, 3-0, kontra Fillandja 2 – Pertti Salo u Tero Nappari.
Malta 2 iffurmat minn Philip Ciantar u Frans Mintoff kienu mpenjati f’logħba waħda biss li rebħu 3-1. L-avversarji tagħhom kienu Irlanda 2 – Tom Gleeson u Mark Walsh.
Fit-tielet tim Malti, Malta 3, insibu lil Tony Mifsud u Ivan Attard li tilfu ż-żewġ logħbiet tagħhom. L-ewwel kontra Fillandja 1 Jukka Haapakoski u Kari Keinänen, 3-1 u ftit wara kontra Ingilterra 2 Mark Joyce u Wayne Brown, 3-0. Malta 3 issa huma eliminati però jonqoshom jilgħabu f’logħba għal min ser jispiċċa t-tielet fi Grupp E.
L-Erbgħa barra li għandhom jitlestew l-logħbiet kollha tal-Gruppi, fl-iskeda tal-ġurnata mill-fażi tan-knock out, hemm programmati l-logħbiet tal-aħħar 16 u l-kwarti finali.
Malta 1 ta’ Alex Borg u Arthur Cachia u Malta 2 ta’ Philip Ciantar u Frans Mintoff għad għandhom ċans tajjeb li javvanzaw ma l-aħħar 16.