L-Erbgħa, waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker fil-kategorija tat-timijiet tas-seniors, iż-żewġ timijiet li aktar kmieni fl-istess jum ikkwalifikaw mill-fażi tal-gruppi ġew megħluba mill-ewwel fin-knock out.
L-impenji tal-Maltin waqt il-fażi tal-gruppi ma setax ikun aħjar fil-ħames jum tal-dan il-Kampjonat Ewropew għal fatt li t-tlett timijiet rebħu l-erba’ logħbiet li lagħbu fihom.
Malta 3 kompost minn Tony Mifsud u Ivan Attard rebħu, 3-1, kontra Lithuania 3 – Romanas Baradulinas u Laimonas Gaubys u għalkemm kienu diġà eliminati spiċċaw it-tielet fi Grupp E.
Malta 2 iffurmat minn Philip Ciantar u Frans Mintoff rebħu żewġ logħbiet li kien jonqoshom biex itemmu l-impenji tagħhom fi Grupp D u saħansitra rebħu l-grupp. Huma l-ewwel għelbu, 3-0, lil Lithuania 2 – Darius Bublys u Saulius Pajarskas filwaqt li aktar tard rebħu dirett il-konfront dirett għal minn jirbaħ il-grupp kontra England 3 – Stuart Watson u Ali Anwar, 3-2.
Malta 1 ta’ Alex Borg u Arthur Cachia fl-aħħar logħba fi Grupp G rebħu, 3-2, kontra Nederlands Nick Tielemans u Joris Maas biex spiċċaw it-tieni fil-grupp u kkwalifikaw mal-aħħar 16.
Fil-fażi tan-knock out, mal-aħħar 16, iż-żewġ timijiet Maltin sabuha diffiċli kontra l-avversarji li lagħbu magħhom. Malta 1 ma kellhom l-ebda risposta kontra England 2 – Mark Joyce u Wayne Brown u tilfu 3-0 filwaqt li Malta 2 ġew megħluba, 3-1, kontra Ireland 1 – Thomas O’Donoghue u Benny O’Brien.
B’hekk intemmu l-impenji tat-tim Malti f’din l-ewwel parti ta’ dan il-kampjonat li kien riservat għas-seniors jew aħjar għal plejers li għandhom ‘l fuq minn 40 sena.
Il-qofol ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tal-E.B.S.A. issa tibda l-Erbgħa li ġej, 15 t’Ottubru sal-Ħadd 19 t’Ottubru, meta jikkompetu t-timijiet l-irġiel fejn Malta ser tkun rappreżentata bi tlett timijiet li ser ikunu komposti hekk; Malta 1 – Aaron Busuttil u Chris Peplow, Malta 2 – Alex Borg u Joseph Casha u Malta 3 – Philip Ciantar u Isaac Borg.
Sa dak in-nhar ser ikunu organizzati tliet kompetizzjonijiet individwali fejn numru ta’ plejers Maltin ser jieħdu sehem. Dawn huma s-Shoot Out u s-6 Reds li t-tnejn huma organizzati mill-EBSA filwaqt li, fl-istess post, taħt l-awspiċi tal-World Professional Billiards and Snooker Association (WPBSA) ser isir it-tielet event tal-Q Tour.
Il-Maltin li ser jieħdu sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet individwali huma; Shoot Out u 6 Reds – Aaron Busuttil, Chris Peplow, Joseph Casha, Philip Ciantar u Alex Borg filwaqt li fil-Q Tour ser jipparteċipaw erba’, Aaron Busuttil, Chris Peplow, Joseph Casha u Philip Ciantar.