Il-Ġimgħa, waqt il-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tat-timijiet tal-irġiel li qed isir f’Golem, l-Albanija, Malta 3 iffurmat minn Philip Ciantar u Isaac Borg ikkwalifikaw għas-semi-finali biex għamlu ċert mit-tielet post.
Fil-kwarti finali żewġ timijiet Maltin kienu fost l-aħħar tmienja iżda Malta 1 kompost minn Aaron Busuttil u Chris Peplow tilfu bil-frame deċiżiv, 3-2, kontra Franza 1 (Nicolas Mortreux – Gauvain Bazin).
Fil-kwarti finali l-oħra Philip Ciantar u Isaac Borg rebħu l-frame deċiżiv u għelbu, 3-2, lil Albanjia 1 (Kledio Kaci – Dorjan Maknori). Is-Sibt filgħodu l-avversarji ta’ Malta 3 fis-semi finali ser ikunu Franza 1 li eliminaw lil Busuttil u Peplow.
Fis-semi finali l-oħra ser jilgħabu Ukraina (Anton Kazakov – Mykhailo Larkov) kontra Wales (Alfie Davies – Riley Powell).
Fl-eventwalita’ li miż-żewġ semi finali jikkwalifikaw Malta u l-Ukraina jkollna finali li bħas-sena l-oħra tkun kontestata mill-istess żewġ pajjżi. Kien ukoll il-każ li istess żewġ timijiet kienu lagħbu flimkien aktar qabel fil-fażi tal-gruppi.
Għalkemm sa jumejn ilu l-finali kienet ipprogramata li ssir il-Ħadd jidher li EBSA issa mexxiet il-finali għas-Sibt u din ser tibda fl-4pm.