Sunday, August 3, 2025

Golf: Malta se tospita l-European Team Shield Championships fl-2026

Aqra wkoll

Il-Malta Golf Association flimkien mar-Royal Malta Golf Club ħabbru li Malta ntgħażlet biex tospita l-European Team Shield Championships fl-2026.

Il-Kampjonati jaqgħu taħt l-umbrella tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Golf u huma organizzati għal nazzjonijiet żgħar u emerġenti tal-golf li ma jikkompetux fid-Diviżjoni 1 jew 2 tal-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet Dilettanti dik is-sena. L-ewwel edizzjoni tat-turnew tal-Irġiel saret fl-2015 u dik tan-Nisa s-sena ta’ wara.

Malta kellha tim tal-Irġiel għall-edizzjonijiet kollha tat-turnew fejn rebħet erba’ midalji tal-bronż u erba’ tal-fidda. Tim tan-Nisa ġie ppreżentat għall-ewwel darba fl-2024 bit-tim jiġi fil-ħames post dakinhar u fir-raba’ post din is-sena.

Erba’ plejers, minn kull wieħed mit-timijiet tal-Irġiel u tan-Nisa, jikkompetu fuq erbat ijiem, li jibdew bi 18-il toqba ta’ kwalifikazzjoni stroke play, segwiti minn tlett ijiem ta’ rawnds knock out match play li kull wieħed jikkonsisti minn foursome waħda u żewġ singles games.

Din hija opportunità aqwa mogħtija lil Malta mill-European Golf Association, hekk kif se tkun qed tirrappreżenta l-ewwel tournament ewlieni tal-golf li se jsir fir-Royal Malta Golf Club u hija dovuta għar-relazzjonijiet tajbin u r-rispett reċiproku li l-komunità lokali tal-golf għandha mal-European Golf Association u l-pajjiżi membri affiljati tagħha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport