Il-kumpanija Amerikana Alphabet Inc, li hija l-parent company ta’ Google, għadha kemm qalgħet żewġ multi minn qorti Russa f’Moska minħabba li rrifjutat illi tneħħi filmati meqjusa “kontroversjali” minn fuq Google.
Iż-żewġ multi jammontaw għal total ta’ 11-il miljun ruble. Din mhux l-ewwel darba li Google qalgħet multa minħabba r-Russja; f’Diċembru li għadda hija weħlet multa ta’ 7.2 biljun ruble talli ma neħħietx materjal li fir-Russja kien meqjus illegali.
Il-Qorti tad-distrett ta’ Tagansky f’Moska akkużat lill-kumpanija Amerikana b’tixrid ta’ informazzjoni żbaljata dwar l-ammont ta’ vittmi li ġarrbu s-suldati Russi u l-poplu Ukren fl-Ukrajna. Dan kien irrappurtat mill-midja Russa TASS.
Allegatament, f’wieħed mill-filmati kien hemm konverżazzjoni bejn suldati Russi u l-familjari tagħhom, fejn dawn is-suldati bdew igergru dwar l-ammont ta’ vittmi li kien hemm fost is-suldati Russi tal-istess grad tagħhom.