Saturday, October 5, 2024

Governanza

Aqra wkoll

Minn ALFRED SANT

Xejn ma jdejjaqni aktar fl-investigazzjonijiet tal-ħidma publika mill-mod kif l-informazzjoni dwarhom tinsilet f’telenovela. Waqt li jkun għaddej dal-proċess, il-fatti wieħed wara l-ieħor donnhom jgħaddu minn lewn għal lewn, skont il-kisra tal-mument li tkun ħadet il-kontroversja dwarhom.

Mentri li jkollna bżonn tkun narrattiva mill-bidu sal-aħħar  li b’mod biered u ċar tagħti l-fatti kollha, twassal għal ġudizzju sħiħ biex minnufih wara, ir-responsabiltajiet politiċi, kriminali u amministrattivi jintrefgħu b’mod xieraq u ġust.

Hu fl-interess nazzjonali li nassiguraw li l-proċessi investigattivi jitmexxew b’dal-mod. Inkella kif dejjem qed jiġri fostna, il-verità tibqa’ mċajpra “sal-aħħar” … imma ta’ spiss ma jkunx hemm xi aħħar, għax il-biċċa tispiċċa minsija jew mirduma fir-ramel. Kemm ili nsegwi x-xena politika Maltija, dejjem hekk ġara, mhux l-anqas taħt gvernijiet Nazzjonalisti, minkejja l-qaddisin ta’ dik in-naħa li ntebħu b’dil-problema biss illum.

Sadattant, il-każi li qed jinfetħu f’daż-żmien, bħal ma messu sar f’dawk ta’ snin oħra, għandhom jiġu investigati sal-aħħar bla aktar dewmien u bl-akbar reqqa.

***

ŻEWĠ “SPLITS”

L-“isplit” li seħħet fil-Partit Laburista lejn tmiem is-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor kellha mekkaniżmu istituzzjonali bil-maqlub tal-i“split” li għaddej illum fil-PN. Dak iż-żmien, il-mexxej fil-kariga ġie kontestat f’livell ta’ konferenza ġenerali tal-partit u tilef hemm vot ta’ fiduċja. Maġġoranza (jekk niftakar tajjeb) tad-deputati Laburisti baqgħu jsostnuh.

Irrikonoxxa li m’għadux mexxej tal-partit imma baqa’ jmexxi d-deputati li baqgħu leali lejh. Madwarhom ipprova jibni partit ġdid.

Mentri llum fil-PN il-mexxej fil-kariga tilef il-fiduċja tal-maġġoranza tad-deputati “tiegħu” u allura ngħid jien, ir-rwol ta’ kap tal-oppożizzjoni; baqa’ f’postu bħala mexxej. Strettament kellu raġun jargumenta li l-kariga ta’ mexxej tal-partit tawhielu d-delegati tal-kungress ġenerali b’mod indipendenti mill-fehma tad-deputati.

***

IT-TIENI MEWĠA

Ma tantx baqa’ dubju dwar jekk teżistix it-tieni mewġa jew le tal-pandemija tal-corona virus. Fl-Iżrael u fl-Awstralja, imma anke fiċ-Ċina fost imkejjen oħra, tqanqlet u tqanqlet sew. Fl-Istati Uniti bit-tmexxija mħarbta li biha ntlaqgħet l-imxija diffiċli tgħid ċerti reġjuni jinsabux fl-ewwel jew fit-tieni mewġa jew jekk iċ-ċaqliq tal-infezzjonijiet tħawwadx f’mewġa waħda kbira.

L-esiġenzi ekonomiċi huma dawk li huma u ma jistgħux jitwarrbu. Min-naħa l-oħra li biex nissodisfawhom inkunu qed noffru spazju ġdid biex il-mewġ infettif jerġa’ jiskoppja hi wkoll ħaġa ċara. Sakemm jinstab vaċċin żgur u vijabbli, jeħtieġ li nidraw “normalità” fejn għadd ta’ prekawzjonijiet jibqgħu jittieħdu, bid-dwejjaq kollha li jġibu magħhom.

Ma jidhirx li dan qed jiġri, la fil-pajjiżi li nqabdu sew bl-imxija, la f’dawk li rebħulha imma issa qed jaffaċċjaw it-tieni mewġa, u lanqas f’Malta.

Sport