Saturday, December 28, 2024

Graffitti jilqgħu azzjoni meħuda mill-awtoritajiet

… Jittamaw li l-infurzar ikompli

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mill-bidu tal-istaġun tas-sajf dan is-sit, qajjem għarfien dwar il-problema ta’ armar kemm ta’ umbrellel u deckchairs fil-bajjiet, kif ukoll dik tal-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-bankini u fil-pjazez tagħna.

Fir-rigward ippubblikajna intervisti kemm mal-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, oħra ma’ Andrè Callus f’isem il-moviment Graffitti, kif ukoll ma’ sid ta’ lido.

Bdejna dan kollu però, b’vox pop biex naraw l-opinjoni pubblika. Hawn ħareġ fiċ-ċar li kien hemm bżonn ta’ azzjoni fejn il-bilanċ jintilef minħabba li jkun hemm min jabbuża u jarma aktar milli għandu konċessjoni. 

F’dan il-każ, il-Ministru Bartolo kien qalilna li qegħdin isiru spezzjonijiet u fejn ikun hemm bżonn tittieħed azzjoni. Fil-fatt, ġimgħa wara l-pubblikazzjonijiet ta’ dan il-ġurnal, ittieħed azzjoni fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex. Azzjoni li ntlaqgħet tajjeb mill-moviment Graffitti u mir-residenti. Dan għax kif qalilna f’kumment li tana l-attivist Andrè Callus, din l-azzjoni kienet meħtieġa ħafna.

Il-pressjoni taħdem

“Il-Moviment Graffitti jilqa’ l-azzjoni ta’ infurzar ġewwa Pjazza San Ġorġ Għawdex iżda jaħseb li l-Ġorġjani, ir-Rabtin u dawk kollha li jżuru u jagħmlu użu minn din il-pjazza ma kellhomx jistennew snin twal qabel ma sar infurzar daqshekk bażiku u ovvju jseħħ,” beda Calllus.

Huwa fakkar kif xahar ilu għexieren ta’ residenti flimkien mal-Arċipriet, bosta għaqdiet Rabtin u għaqdiet oħra bħal Moviment Graffitti, kienu niżlu fi Pjazza San Ġorġ biex jesprimu l-għadab tagħhom għall-mod kif din spiċċat kompletament u abbużivament okkupata minn kummerċ bla rażan. Callus spjega kif, “saħansitra l-aċċess għaliha mill-erba’ toroq tal-madwar kien imblukkat bl-imwejjed u s-siġġjiet; xi ħaġa li xxekkel l-iżvolġiment ta’ attivitajiet personali, kulturali u soċjali importanti ħafna bħal tiġijiet u funerali”.

Ftit wara li telqu l-uffiċjali tal-infurzar reġa’ beda l-abbuż

Il-Graffitti issa jittamaw li l-infurzar ikompli għaddej u li din ma tkunx biss azzjoni ta’ darba. L-atttivist ġibed l-attenzjoni li, sfortunatament, diġà qegħdin jirċievu rapporti li l-abbuż reġa’ beda ftit wara li telqu l-uffiċjali tal-infurzar.

“Fuq kollox nistaqsu: għalfejn in-nies għandhom joqogħdu jitkarrbu u jiġġieldu biex jieħdu xi ħaġa li hija tagħhom bi dritt? Infakkru wkoll kif din is-sitwazzjoni ta’ ħtif ta’ spazju pubbliku qiegħda ssir dejjem aktar mifruxa madwar Malta u Għawdex. Mill-Belt Valletta sa Tas-Sliema, il-Gżira, Marsaxlokk, Wied il-Għajn, l-Isla u ħafna lokalitajiet oħra, qegħdin naraw imwejjed, siġġijiet, tined u strutturi oħra joħonqu l-pjazez u l-bankini tagħna,” kompla Callus.

Kampanja: “Il-Bankini taċ-Ċittadini”

Huwa spjega li kien għalhekk li f’April li għadda, flimkien ma’ għaqdiet oħrajn speċjalment għaqdiet tar-residenti, nedew il-kampanja “Il-Bankini taċ-Ċittadini”. Dan bil-għan li l-poplu jingħata lura dak li huwa tiegħu bi dritt. 

Bħala parti minn din il-kampanja Graffitti infurmawnna li ppreżentawa numru ta’ talbiet (li jinstabu fis-sit www.ilbankinitaccittadini.org) fejn qegħdin jitolbu li jinbidlu l-politiki li jirregolaw l-imwejjed u s-siġġijiet fi spazji pubbliċi; li l-pubbliku jkun jaf x’inhuma l-konċessjonijiet li ngħataw lill-istabbilimenti kummerċjali – informazzjoni li bħalissa mhiex pubblika; li n-nies jingħataw dritt li jieħdu azzjonijiet legali kontra l-abbuż; u li jkun hemm infurzar mill-awtoritajiet.

“Dritt imħares biss jekk ikun hemm rieda politika”

“Nemmnu li dan id-dritt tal-pubbliku se jiġi mħares biss jekk ikun hemm rieda politika. S’issa jidher li qegħdin iħarsu lejn il-qligħ tal-istabbilimenti kummerċjali. L-azzjoni mill-awtoritajiet fi pjazza San Ġorġ seħħet biss għax kien hemm pressjoni qawwija mill-komunità. Il-komunitajiet madwar Malta u Għawdex għandhom jitgħallmu minn dan u jinsistu huma wkoll biex jieħdu lura l-ispazji li nsterqulhom,” insista Callus.

Andrè Callus għalaq billi assigura li min-naħa tagħhom se jibqgħu jsegwu s-sitwazzjoni ġewwa Pjazza San Ġorġ u se jkomplu l-ġlieda biex l-ispazji pubbliċi jibqgħu taċ-ċittadini u ma jinħatfux mill-privat.

Aktar infurzar fil-ġimgħa li ġejjin

… Mhux se tkun aċċettata attitudni tal-cowboys

Sadanittant mal-aħbar tal-azzjoni fi Pjazza ta’ San Ġorġ li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjannar, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u l-Ministeru tal-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, ingħad ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm aktar infurzar. 

L-entitajiet li kkollaboraw fl-azzjoni fi Pjazza San Ġorġ biex ikun żgurat li l-imwejjed u s-siġġijiet jintramaw fil-konfini tal-masterplan eżistenti, kienu l-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Pulizija. Jekk ikun hemm il-bżonn, il-Gvern ħabbar li lest li jinkludi entitajiet oħra. Dan bil-għan li jinstab il-bilanċ meħtieġ.

Dwar din l-azzjoni tkellem il-Prim Ministru Robert Abela fejn sostna li l-Gvern se jkompi bl-infurzar fuq il-konċessjonijiet tal-imwejjed u s-siġġijiet. F’intervista fil-fatt huwa qal li mhuwiex se jaċċetta attitudni tal-cowboys u li kulħadd irid jopera skont il-konċessjonijiet li jingħata. 

X’inhuma jitolbu Graffitti:

* Li jinbidlu l-politiki li jirregolaw l-imwejjed u s-siġġijiet fi spazji pubbliċi; 

* Li l-pubbliku jkun jaf x’inhuma l-konċessjonijiet li ngħataw lill-istabbilimenti kummerċjali;

* Li n-nies jingħataw dritt li jieħdu azzjonijiet legali kontra l-abbuż; u 

* Li jkun hemm infurzar mill-awtoritajiet.

Ekonomija

Sport