Pozzallo, 21 ta’ Settembru 2025 – L-atleta Malti Graham Borg għamel ritorn mill-iktar impressjonanti għall-kompetizzjoni tat-triathlon wara assenza ta’ seba’ snin, meta ħa sehem fil- kompetizzjoni fuq distanza Olimpika f’Pozzallo, organizzata mill-Club ASD Triathlon Mothycense bħala parti miċ-Ċirkwit Olimpiku tal-Federazzjoni Taljana tat-Triathlon.
Minkejja li rritorna għat-taħriġ biss xahrejn ilu, Borg iddomina l-kategorija tal-età tiegħu (M1), u rnexxielu jtemm it-tiġrija fl-ewwel post ta’ din il-kategorija, b’vantaġġ ta’ erba’ minuti fuq il- kompetitur l-iktar viċin. Fil-klassifika ġenerali, huwa kklassifika fl-10 post, riżultat eċċezzjonali meta wieħed iqis li din kienet l-ewwel tiġrija tiegħu minn meta rtira fl-2018.
Tħejjijiet u Segmenti tat-Tiġrija
Is-segment tal-għawma ra lil Borg joħroġ mill-ilma flimkien ma’ Keith Galea, l-atleta l-ieħor Malti f’din it-tiġrija. Flimkien żammew pass kostanti u b’saħħtu ħafna matul il-korsa ta’ 40 kilometru fuq ir-rota. Hawnhekk, Borg wera dominanza fuq il-kompetitur ewlieni fil-kategorija tiegħu, fejn kabbar il-vantaġġ għal 7 minuti.
Fl-aħħar segment ta’ 10 kilometri ta’ ġiri, il-kompetitur ewlieni tiegħu beda jnaqqas id-distakk, iżda Borg żamm il-kalma u kompla bil-pass tiegħu biex b’hekk temm b’vantaġġ ta’ 4 minuti, li ssarrfu f’rebħa kategorika.
Il-Futur: Kampjonati, Half Ironman u Full Ironman
Il-vjaġġ ta’ Graham Borg m’huwiex se jieqaf hawn. Il-ġimgħa li ġejja, huwa se jirrappreżenta l-klabb tiegħu fil-Kampjonati Reġjonali Nazzjonali tal-Clubs Taljani, b’żewġ tiġrijiet: Sprint individwali nhar is-Sibt 27 ta’ Settembru, u tiġrija ta’ Sprint Relay nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru.
Barra minn hekk, hemm tiġrijiet oħra ippjanati għal x-xahar ta’ Ottubru fi Sqallija, bħala konklużjoni tal-istaġun qasir ta’ Borg għall-2025. L-għan tiegħu jibqa’ wieħed ċar: ritorn fuq distanza ta’ Half Ironman u Full Ironman fis-sajf tal-2026.
Dikjarazzjoni personali minn Graham Borg
F’kummenti li ta wara t-tiġrija, Borg qal:
“Xahrejn ilu, ħadt deċiżjoni għaqlija li ningħaqad ma’ klabb tat-triathlon hawn fi Sqallija. Inħossni xxurtjat li sibt ruħi f’din il-komunità sabiħa. Il-membri u l-president tal-klabb laqgħuni b’idejhom miftuħin u għarrafuni x’kont nieqes minnu – is-sens ta’ sapport u motivazzjoni minn tim ta’ sħab u atleti li jitħarġu flimkien.
F’dawn ix-xahrejn qosra, kont impressjonat bil-livell ta’ fitness li reġa’ ġie lura. Madankollu, kont xorta eċċitat u ftit nervuż qabel it-tiġrija ta’ ritorn tiegħi fuq distanza Olimpika. Dan għaliex ma
kontx naf kif kienet se jirreaġixxi ġismi wara assenza ta’ seba’ snin minn kompetizzjonijiet, u kont ukoll konxju li l-kompetituri li kont se niffaċċja kienu nies li kont diġà affaċċjajt f’tiġrijiet tal-passat – iżda huma baqgħu fl-isport u komplew jikkompetu kontinwament.
Pero’ kuntent ngħid li l-mentalità kompetittiva tiegħi reġgħet qamet qabel it-tiġrija, u l-għan tiegħi kien li nilħaq il-podju fil-kategorija tiegħi. Li rnexxieli nirbaħ il-kategorija kienet bonus kbir.
Issa li għamilt dan l-ewwel pass lura fil-kompetizzjoni, qed nħossni motivat biex inkompli naħdem biex nerġa’ nilħaq l-aqwa livell ta’ fitness tiegħi – sabiex fl-2026 nerġa’ nkun kompetittiv fuq distanza ta’ Half Ironman u Full Ironman.”
Borg temm jgħid:
“Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja lill-klabb ASD Mothycense talli laqgħuni bl-aħjar mod possibbli, kif ukoll lill-partner tiegħi Rebecca, li kienet ilha tipprova tikkonvinċini biex nerġa’ lura għal dan l-isport u kienet dejjem hemm għalija b’sapport bla waqfien.
It-triathlon huwa sport mill-isbaħ, u jekk hemm xi ħadd li jħoss li minħabba l-età ma jistax jibda jew jerġa’ jibda, nixtieq ngħidlu li qatt mhu tard. It-triathlon huwa wieħed mill-ftit sports li tista’ tipprattikah f’kull età.
Nixtieq nara aktar Maltin jieħdu d-deċiżjoni li jingħaqdu ma’ tim jew klabb u jibdew jitħarrġu. Hekk biss nistgħu naraw aktar nies b’saħħithom – mhux biss fiżikament, imma aktar importanti minn hekk, mentalment ukoll.”
Informazzjoni addizzjonali dwar Graham Borg – Riżultati mill-aħħar staġun attiv tiegħu:
- Kampjonat Nazzjonali ta’ Malta – Distanza Olimpika (Ottubru 2017): Champion Nazzjonali meta temm fl-1 post ġenerali
- Kampjonat Nazzjonali – Ocean Lava Middle-Distance (April 2018): 1 post ġenerali, rebaħ kontra atleti internazzjonali u stabbilixxa record tal-korsa ġdid.
- Half Ironman Gdynia (Awissu 2018): Personal Best ta’ 4 sigħat u 17-il minuta, li kien ukoll Rekord Nazzjonali ġdid. Kklassifika fir-4 post tal-kategorija u kiseb kwalifikazzjoni għall- Kampjonati Dinjija tal-Half Ironman 2019.
- Kampjanat Dinija ta’ Half Ironman South Africa (Settembru 2018): Wara li kiseb il- kwalifikazzjoni fl-2017, ħa sehem f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża.
- Kampjonat Nazzjonali Sprint (Settembru 2018): Champion Nazzjonali meta temm fl-1 post ġenerali
- Full Ironman Barcelona (Ottubru 2018): Irreġistra l-aqwa ħin personali ta’ 9 sigħat u 36 minuta.