Heritage Malta nediet il-Kalendarju tal-Attivitajiet tagħha għall-2026 – programm mifrux fuq sena sħiħa u mimli b’aktar minn 200 attività li jippreżentaw il-patrimonju tagħna bħala esperjenza li wieħed jgħix u jaqsamha ma’ ħaddieħor.
Imsejjes fuq il-kampanja l-ġdida tal-aġenzija ‘Ħaj/ Heritage Alive’, il-kalendarju jisboq il-fehmiet li jillimitaw il-wirt kulturali għall-vetrini, biex minflok jittrasforma siti storiċi fi spazji għall-parteċipazzjoni u l-iskopertà.
Permezz ta’ programm imżewwaq ta’ wirjiet, ftuħ speċjali, re-enactments imlewna, aċċess wara l-kwinti u esperjenzi kreattivi, il-pubbliku huwa mistieden jinteraġixxi ma’ wirt pajjiżna bħala żifna bejn in-nies, il-postijiet u s-sekli. Il-familji u udjenzi żgħar fl-età jinsabu fil-qalba ta’ dan il-kalendarju, b’attivitajiet interattivi, tours mimlija skoperti u workshops imfassla biex irawmu l-kurżità u sens ta’ appartenenza sa mit-tfulija.
Fl-istess waqt, il-kalendarju jirrifletti stili ta’ ħajja li qed jevolvu, bl-introduzzjoni ta’ attivitajiet marbuta mal-benesseri bħal klassijiet ta’ eżerċizzju fiżiku u tagħlim dwar in-nifs, u oħrajn li joffru ħarsa mhux tas-soltu lejn siti familjari, bħas-sessjonijiet Sip & Paint.
L-ikel u tradizzjonijiet marbutin miegħu ma setgħux jonqsu, b’ikliet esklużivi minn Taste History u l-cookalongs popolari, li jwasslu għerf u ġrajjiet missirijietna f’esperjenzi multisensorjali u delizzjużi. Mixjiet iggwidati, dawriet fuq il-baħar u tours tematiċi jieħdu lill-parteċipanti f’avventuri lil hinn mill-ħitan tal-mużewijiet.
Flimkien ma’ dawn, sessjonijiet iddedikati għal persuni bi bżonnijiet speċjali jkomplu jsaħħu l-inklużività, u attivitajiet għall-membri joffru esperjenzi uniċi lill-akbar sostenituri tal-aġenzija. Il-kunċett ta’ Museums by Candlelight se jerġa’ jkun magħna wkoll, biex b’hekk jagħti ċans lill-viżitaturi jesperjenzaw ġawhar artna litteralment f’dawl ġdid.
Fost l-avvenimenti li jisirqu x-xena fl-2026 insibu t-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale, li għal darba oħra se jbiddel is-siti storiċi fi pjattaformi għall-arti komtemporanja lokali u internazzjonali, li jħeġġu d-djalogu bejn l-imgħoddi u l-preżent. Għallprogramm sħiħ tal-attivitajiet tal-Malta Biennale 2026 żur: https://maltabiennale.art/events/.
Fit-tnedija tal-kalendarju, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal: “Il-kalendarju ambizzjuż li qed inniedu juri kif il-patrimonju tagħna mhux biss jinżamm, imma jitwassal b’mod ħaj lin-nies. Aktar minn 200 attività mifruxa fuq sena sħiħa jfissru aktar aċċess, aktar parteċipazzjoni u aktar opportunitajiet biex il-wirt Malti jkun jista’ jitgawda minn kulħadd.”
Mario Cutajar, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta u l-President tal-Malta Biennale 2026, saħaq li: “Dan il-kalendarju jqiegħed lin-nies fiċ-ċentru tiegħu. Huwa espressjoni usa’ ta’ aċċessibbiltà; mod kif Heritage Malta tressaq lin-nies biex jifhmu iktar ilpatrimonju komuni tagħna l-Maltin, filwaqt li nifhmu iktar l-illum tagħna. Il-Malta Biennale huwa għodda waħda imma ewlenija minn din l-imrewħa sħiħa ta’ aċċessibbiltà. Għodda li tiswa lilna u lil pajjiżna, li qed ikun meqjus destinazzjoni fost laqwa li wieħed għandu jżur waqt il-Malta Biennale din is-sena.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, ikkummenta li: “Billi żżid l-aċċessibbiltà għas-siti storiċi ta’ pajjiżna u toħloq aktar esperjenzi memorabbli li l-viżitaturi jibqgħu jġħożżu għal snin twal wara li jkunu żaruna, Heritage Malta żżomm ilpatrimonju ta’ Malta frisk u relevanti għal udjenzi ta’ kull età. F’dak kollu li tagħmel, l-aġenzija tkompli ssostni d-djalogu bejn iż-żminijiet li għaddew u l-preżent, u tiżgura li l-wirt kulturali tagħna jkun apprezzat mhux bħala relikwa tal-passat, imma bħala legat ħaj li jappartjeni lil kulħadd.”
Il-kalendarju tal-attivitajiet ta’ Heritage Malta għall-2026 jista’ jinqara bil-Malti hawnhekk: https://heritagemalta.mt/app/uploads/2026/01/2026-calendar-of-events-Maltese-R6-Web.pdf, u bl-Ingliż hawnhekk:
https://heritagemalta.mt/app/uploads/2026/01/2026-calendar-of-events-English-R6-Web.pdf.
Aktar tagħrif dwar lattivitajiet u l-biljetti għalihom jinsab hawnhekk: www.heritagemalta.mt/whats-on. Tista’ ssegwi wkoll il-WhatsApp Channel
uffiċjali ta’ Heritage Malta: www.whatsapp.com/channel/0029Vb4UJxw1yT29ko3Gkq2F għall-aħħar aġġornamenti u spunti minn wara l-kwinti.

