Dawn il-jiem sbieħ tal-Milied, ta’ kull sena jkunu kkaratterizzati mill-ġenerożita tal-poplu Malti u Għawdxi. Minbarra l-bosta inizjattivi li jittieħdu tul is-sena kollha biex jinġabru fondi għall-aktar organiżazzjonijiet filantropiċi magħrufa, bħall-Malta Community Chest Fund, Puttinu Cares u d-Dar tal-Providenza, f’dawn il-jiem ma jonqsux ukoll bosta attivitajiet li l-qliegħ minnhom imur kemm għal dawn kif ukoll għal bosta inizjattivi li jsiru fuq skala iżgħar.
Wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll dak li torganizza l-Knisja fil-parroċċi tagħha fejn isiru ġabriet kemm ta’ flus kif ukoll ta’ oġġetti tal-ikel li jistqassmu fost dawk l-aktar vulnerabbli fil-kommunitajiet parrokkjali tagħna. Inizjattiva sabiħa oħra li issa qed issir tradizzjoni hija dik tal-għoti tar-rigali għat-tfal taħt is-siġra tal-Milied quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, iniżjattiva li bdiet fuq ħsieb tat-tifla tal-Prim Ministru, Georgia Mae li flimkien ma’ ommha, Dr Lydia Abela jixprunaw din l-inizjattiva li żgur tferraħ bosta tfal li forsi f’dawn il-ġranet ikunu mċaħħda minn xi ħaġa li jixtiequ.
Il-ġenoriżita tal-Maltin tispikka sew f’bosta attivitajiet tal-Milied li jiġu organiżżati minn Dipartimenti u Aġenziji tal-Gvern li l-impjegati tagħhom jagħżlu li jagħmlu ġabriet ta’ fondi waqt dawn l-attivitajiet u mbagħad jippreżentawhom bħala għotjiet dakinhar li l-Maltin jiċċelebraw il-festa ta’ ġenerożita b’risq il-Malta Community Chest Fund, magħrufa bħala l-Istrina l-għada tal-Milied. Għal din il-festa jagħtu wkoll il-kontribut tagħhom anke l-ħafna organizazzjonijiet volontarji, kumpanija u korporazzjonijiet privati li lkoll ikomplu jgħinu biex il-fondi ta’ din il-Fondazzjoni jkomplu jissaħħu ħalli ħafna aktar Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jiġu mgħejjuna fil-bżonnijiet tagħhom partikolarment jekk kemm-il darba jkunu qed jingħataw kura li jkollu bżonn ta’ interventi straordinarji li jiswew ħafna kif wkoll bosta għajnuniet oħra.
Il-Milied ta’ ġenerożita li jiċċelebraw il-Maltin u l-Għawdxin imbagħad jilħaq il-qofol tiegħu fil-bidu tas-sena l-ġdida meta ssir ukoll il-ġabra tradizzjonali b’riżq id-Dar tal-Providenza tas-Siġġiewi li issa, minbarra d-djar residenzjali li għandha għall-persuni ħandikappati fis-Siġġiewi stess qegħda wkoll tifrex il-ħidma tagħha bi djar oħra żgħar f’diversi lokalitajiet.
Aħna, bħala Ministeru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali ukoll nagħtu l-kontribut tagħna billi għal darb’oħra din is-sena qegħdin norganizzaw villaġġ tal-Milied bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Venera. Il-ġbir minn dan il-villaġġ li se jkun inawgurat mill-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono għada l-Ġimgħa u jibqa’ miftuħ sal-Ħadd, se jmur kollu għall-Community Chest Fund. Il-villaġġ tal-Milied qed ikun organizzat fil-ġnien tal-Ministeru tagħna, f’Casa Leoni f’Santa Venera li għal din l-okkażjoni jitniffed mal-ġnien famuż ta’ Santa Venera, Ġnien Romeo Romano.
Il-poplu tagħna huwa magħruf għall-ġenerożita qawwija tiegħu b’riżq dawk anqas ixxurtjati. Ġieli ntqal li meta wieħed iqis kemm jinġabru flus b’riżq dawk fil-bżonn matul is-sena kollha isib li ras għal ras, il-Maltin huma l-aktar ġenerużi fid-dinja. Jeħtieġ li dan il-valur qawwi ta’ ġenerożita nkomplu nrawwmuh anke fil-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tagħna ħalli bħala poplu nibqgħu dejjem solidali ma’ dawk li fil-mument tal-prova jkunu tassew jeħtieġu l-għajnuna tagħna.

