Saturday, November 23, 2024

“Grazzi għal ħajja mill-isbaħ”; L-aħħar messaġġ lill-għarusa tiegħu qabel jiddaħħal f’koma u jmut kaġun tal-coronavirus

Aqra wkoll

Raġel Ingliż ta’ 29 sena li miet wara li rriżulta pożittiv għall-coronavirus bagħat messaġġ kommoventi lill-għarusa tiegħu qabel ma tpoġġa f’koma. Il-messaġġ tiegħu kien jgħid: “Grazzi għal ħajja mill-isbaħ”.

Richard McKeag, magħruf ma’ sħabu bħala Ricky, kien jaħdem bħala on-call care support qabel ma ġie infettat bil-Covid-19.

L-għarusa tiegħu, Katie Martin, ta’ 25 sena u li wkoll taħdem fis-settur tas-saħħa, qalet li t-tnejn li huma kienu ġew infettati bil-virus fil-bidu ta’ dan ix-xahar.

Qalet li “bdejt b’sintomi bħal dawk ta’ riħ. Ricky min-naħa l-oħra żviluppatlu sogħla qawwija u kien anke qed isibha diffiċli biex jieħu n-nifs b’mod normali meta kien jimxi.”

Żiedet tgħid li t-tnejn li huma kellhom joqogħdu f’iżolament, u kien fit-13 ta’ April li rċevew messaġġ li kienu rriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Martin madankollu qalet l-kundizzjoni medika ta’ Richard kompliet taqleb għall-agħar u fis-16 ta’ April ċemplet biex ikun jista’ jittieħed l-isptar.

Wara 24 siegħa jipprovaw jagħtuh l-ossiġnu, it-tobba ħadu d-deċiżjoni li jpoġġu lil Richard f’koma filwaqt li jżommuh fuq ventilator.

Martin kellmet l-aħħar darba lill-għarus tagħha permezz ta’ Facebook, wara li waħda mill-infermieri ċemplitilha.

Il-mara qalet li huwa kien qed jipprova jserrħilha rasha li kollox kien se jgħaddi b’wiċċ il-ġid.

“Qalli, inħobbok. Għid lin-nanna li nħobbha wkoll,” żiedet tgħid il-mara. “Wara li tkellimna bagħatli messaġġ u qalli ‘grazzi għal ħajja mill-isbaħ”.

Nhar l-Erbgħa li għadda l-mara rċeviet telefonata mill-isptar li informawha li Richard sfortunatament kien miet.

Il-mara temmet tgħid li l-aktar ħaġa diffiċli biex taċċetta hija li ma setgħetx tkun viċin tiegħu fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu.

Intant twaqqaf sit GoFundMe bil-għan li jinġabru fondi għall-ispejjeż tal-funeral.

Sport