Sunday, December 22, 2024

“Grazzi għar-riċerka għal tilqima kontra l-HIV għandna dik tal-Covid-19”

Iż-żmien rekord li fih ħarġet it-tilqima kontra din il-pandemija huwa frott snin ta’ riċerka

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tilqim effettiv u sigur kontra l-pandemija tal-Covid-19 ħareġ fi żmien rekord f’ġirja bla preċedent fil-kamp xjentifiku mondjali.

Għalih intużaw riżorsi fuq skala globali u l-aqwa mħuħ bil-għan li ma jintilfux aktar ħajjiet u tkun ikkontrollata l-ħerba soċjo-ekonomika li kkawża l-istess virus. Proprju l-iżvilupp mgħaġġel u l-manifatturazzjoni f’daqshekk qasir żmien, wassal għal dubji, mistoqsijiet u anke biżgħa dwar kemm dan it-tilqim huwa sigur biex jingħata lill-bniedem.

Li ftit jafu però, huwa li l-ħolqien tal-aqwa tilqim li għandna kontra l-Coronavirus, inklużi dawk minn Pfizer u Moderna, saru permezz ta’ pedament sod diġà lest frott ta’ studji, riċerka u xogħol innovattiv żviluppat f’dawn l-aħħar snin f’riċerka għal tilqima konta l-HIV.

Proprju kif l-awtoritajiet tas-saħħa u l-gvernijiet tal-pajjiżi kollha madwar id-dinja għaddejjin bi programmi nazzjonali ta’ vaċċinazzjoni għaċ-ċittadini tagħhom, hemm persentaġġ sostanzjali ta’ persuni li qegħdin jirrifjutaw it-tilqima kontra l-Coronavirus.

Din l-oppożizzjoni għat-teħid ta’ “tarka” li tista’ ssalva l-ħajja ta’ min jiġi infettat bil-virus, hija instigata fost l-oħrajn minħabba biżgħa, informazzjoni qarrieqa online u teoriji ta’ konspirazzjoni.

Biden – X’intom tistennew?

Fil-fatt, minħabba li t-tilqima kontra l-Covid-19 mhix obbligatorja hemm miljuni ta’ nies li għadhom ma ħaduhiex u għaldaqstant huma u sa ċertu punt, lanqas ta’ madwarhom, mhumiex protetti mill-virus. Din l-attitudni qiegħda twassal biex il-virus jibqa’ jiċċirkola u jkun ta’ piż fuq is-sistemi tas-saħħa f’diversi pajjiżi. 

Fl-Istati Uniti, il-President Joe Biden f’dan ir-rigward ħareġ bi twissija lin-nazzjon tiegħu, “konna paċenzjużi, iżda l-paċenzja tagħna għandha limitu. Dawk li għadhom ma tlaqqmux, x’intom tistennew iżjed? Din hija tilqima bla ħlas u sigura u r-rifjut tagħkom qiegħed jikkawża konsegwenzi fuq kulħadd”. 

Minħabba li ġej l-istaġun tal-influwenza u anke żieda fl-infezzjonijiet ġodda kkawżati minn varjanti tal-Covid-19, b’mod speċjali l-varjant Delta, qegħdin isiru għadd ta’ sforzi, inklużi dawk edukattivi, biex aktar nies jitlaqqmu. Fost informazzjoni għall-pubbliku li nħarġet riċentement hija dik dwar kif il-qasam xjentifiku rnexxielu jerbaħ it-tellieqa kontra l-ħin biex tana tilqim effettiv u sigur kontra l-Coronavirus.

“L-iżvilupp f’temp rekord tat-tilqim kontra l-Covid-19 la huwa miraklu u lanqas xi tip ta’ ingann jew gidba”

L-Istati Uniti b’investiment ta’ €64 biljuni f’riċerka 

F’rapport riċenti mill-“Wall Street Journal” huwa kkonfermat li t-teknika xjentifika żviluppata fil-ġlieda kontinwa kontra l-AIDS għenet lix-xjenzati jiġġieldu lill-virus il-ġdid li għandna jiċċirkola bħalissa – il-Covid-19. Dan il-virus wassal għall-mewt ta’ aktar minn erba’ miljun u nofs persuna (4,678,671), mentri t-total tal-infezzjonijiet tela’ għal riesaq qrib it-330 miljun. 

Ħadd mhu se jinsa l-filmati traġiċi mill-Italja li fihom jidhru trakkijiet tal-armata jġorru l-kadavri, dawk ta’ nies imbikkma u bi kliem ta’ qsim il-qalb wara t-telfa ta’ għeżież u lanqas id-disprament li għadda minnu kulħadd minħabba l-miżuri ta’ kwarantina meħtieġa li kellhom jittieħdu biex ikun ikkontrollat dan il-virus li oriġina miċ-Ċina.

Fl-ewwel sena, il-Covid-19 iddistabilizza l-akbar u l-aqwa pajjiżi fid-dinja fejn f’ħidma kontra l-ħin kollha kemm huma ppruvaw jaraw kif se jeħilsu minn din t-theddida ta’ għadu fantażma. Din il-“gwerra bla armi” hija perikoluża għal kull nazzjon u kien għalhekk li l-iżvilupp u l-manifatturazzjoni ta’ tilqim effettiv kontriha, kien u jibqa’, tant importanti u urġenti. 

Issa li ninsabu fit-tieni sena tal-pandemija, qegħdin naraw miljuni ta’ nies madwar id-dinja jitlaqqmu kontra l-Covid-19. Dan ifisser li f’inqas minn sena li l-awtoritajiet skoprew is-SARS-CoV-2, kellna tilqima kontrih.

Dan il-perjodu rekord wassal għal xettiċiżmu fejn kien hemm min staqsa kif dan il-proċess tlesta u daħħal fis-seħħ daqstant malajr. Minn informazzjoni li ħarġet riċentement jirriżulta li parti minn dan is-suċċess huwa grazzi għal snin sħaħ ta’ riċerka pjuttost frustranti u bla riżultati mixtieqa, li kienet ilha ssir biex tiġi żviluppata tilqima kontra l-HIV (Human Immunodeficiency Virus), il-virus li jikkawża l-AIDS. 

Fil-fatt, ħafna mit-teknoloġija ġdida u teknika wżati biex jiġi żviluppat tilqim b’saħħtu kontra l-Covid-19 għandhom oriġini minn din ir-riċerka kbira li bdiet lura fis-snin 80. Oriġinarjament, din saret biex jinstab mod kif tkun tista’ tiġi kkontrollata l-imxija tal-HIV. 

L-AIDS swiet il-ħajja ta’ 33 miljun persuna u 38 miljun oħra preżentament jgħixu bl-HIV. Għal din il-marda għad m’hemmx tilqima minkejja li mill-1982 l-Istati Uniti investiet aktar minn €64biljuni f’riċerka. Sadanittant instabu trattamenti li jsalvaw il-ħajja tal-pazjenti bl-HIV, ġew żviluppati modi ġodda ta’ kif isir it-tilqim u nstabu terapiji kontra virusi oħra, inkluż dak tal-Coronavirus.

Teknika u teknoloġija

Il-proċess li fih il-prodott finali tiegħu huwa tilqima effettiva u sigura kontra pandemija serja mhuwiex wieħed faċli. Dan biex ma nsemmux dak tal-approvazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħħa kompetenti. It-teknika u t-teknoloġija li hemm wara t-tilqim kontra l-Covid-19 huma ta’ min japprezzahom.

Minn tagħrif ippubblikat mill-“amfAR Making AIDS History”, jingħad li l-aktar tilqim effettiv kontra l-Covid-19 għandu l-abbiltà li jistimula l-produzzjoni ta’ antibodies u T cells li huma mira tal-virus Covid-19 bil-proteina “S” jew “spike”, dik il-famuża “kuruna”. “S” hija meħtieġa biex il-virus jinfetta ċellola. Biex it-tilqima żviluppata jkollha riżultati effettivi, il-komponent tal-proteina “S” tagħha jrid ikollu forma partikolari. Dan il-proċess isir billi jkun injettat l-amino acid “proline” f’partijiet speċifiċi ta’ “S”. Din hija t-teknika żviluppata snin ilu biex jinħolqu l-aħjar verżjonijiet li jiġġieldu l-virus tal-HIV għal tilqim li kien għadu f’fażi ta’ esperimentazzjoni kontra l-AIDS.

Imbagħad hemm it-teknoloġija involuta biex isir l-iżvilupp tat-tilqim tal-Covid-19. Għat-tilqim mill-Pfizer u Moderna qiegħed jintuża l-materjal ġenetiku mRNA li għandu l-aqwa verżjonijiet tal-proteina “S”. Għal aktar minn 30 sena, mRNAs kienu ttestjati għal tilqim u terapiji iżda ma kienux ta’ suċċess għal żewġ raġunijiet importanti. L-ewwel hija dik li meta l-mRNA tintefa’ fiċ-ċelloli, din tikkawża rispons immunitarju perikoluż u possibbilment fatali. Biex tkun solvuta din il-problema ġiet ivvintata teknika għall-modifikazzjoni tagħha minn Dott. Drew Weissman. 

Ladarba l-mRNA ġie modifikat u sar sigur, kien hemm bżonn jintefa’ fiċ-ċelloli u hawn ix-xjenzati kellhom jiffaċċjaw it-tieni sfida minħabba li l-mRNA huwa fraġli mmens. 

Mingħajr “lipid shells”, magħrufa bħala l-“bżieżaq tax-xaħam”, li jipproteġu l-mRNA milli jdub u jgħinuh biex jidħol faċilment fiċ-ċelloli immunitarji, kieku llum il-ġurnata m’għandhiex tilqima kontra l-Covid-19 bl-mRNA. Fost l-aktar modi li dawn il-“lipid nanoparticles” kienu wżati fl-imgħoddi kien biex jipproduċu antibodies kontra l-HIV f’esperimenti li kienu jsiru fuq il-ġrieden.

L-iżvilupp f’temp rekord tat-tilqim kontra l-Covid-19 la huwa miraklu u lanqas xi tip ta’ ingann jew gidba. Dawn kienu biss possibbli grazzi għax-xogħol kbir li sar mir-riċerkaturi li ħadmu bla heda biex isibu tarf tal-AIDS. F’Diċembru tal-2020 “The Wall Street Journal” irrapporta li, “ħafna mit-teknoloġiji ġodda u sistemi wżati biex ikollna tilqim effettiv kontra l-Covid-19 għandhom oriġini minn riċerka ddisprata li bdiet kmieni fis-snin 80 biex inaqqsu t-tixrid tal-HIV”.  

L-esperti jikkonfermaw

Il-virologu Amerikan, Anthony Fauci sostna li, “ċert li kieku l-pandemija tal-HIV m’għenitx biex tkun imħarrġa armata sħiħa ta’ persuni fil-oqsma tax-xjenza, tal-mediċina u dak tas-saħħa pubblika, biex ikunu pronti f’mumenti ta’ kriżi, il-battalja kontra l-Covid-19 kieku għadha fi stadji aktar bikrin minn dawk li ninsabu fihom bħalissa. Dak li tgħallimt mill-HIV għeni ħafna nifhem kif jevolvi l-Covid-19”.

Jennifer Kates, id-direttur tal-Global Health and HIV Policy mill-Kaiser Family Foundation, qalet li, “mhiex kumbinazzjoni li ħafna nies li daħlu bi ħġarhom biex jindirizzaw il-problema tal-Covid-19 huma professjonisti involuti fir-riċerka tal-HIV”. 

Din sostniet li hemm grupp ta’ xjenzati, attivisti u epidemoloġisti li qalu li huma diġà esperjenzati f’mard infettiv li jagħmel il-ħsara u joqtol lin-nies. Dan b’referenza għall-ġlieda tagħhom kontra l-marda tal-AIDS.

Ekonomija

Sport