Monday, August 18, 2025

“Grazzi Mulej li ħadd ma kien talab is-servizz tiegħu”

Tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront tas-sewwieq li daħal bil-karozza f'ħanut tax-xagħar

Aqra wkoll

Abdi Salaan Mahamad Abditon Ali ta’ 42 sena, is-sewwieq li fis-7 ta’ Awwissu li għadda baqa’ dieħel f’ħanut tax-xagħar kien qiegħed jistenna xi klijenti biex iwassalhom, iżda ħadd ma kien għadu talab is-servizz tiegħu.

Hekk stqarr l-Ispettur Nathan Bugeja hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu fejn qiegħed jiġi mixli b’sewqan perikoluż, b’nigliġenza, li għamel ħsara fi ħwejjeġ ħaddieħor u li saq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

“Grazzi Mulej li ħadd ma kien talab is-servizz tiegħu… kieku kellu l-klijenti fil-karozza kienu jmutu n-nies,” xehed l-Ispettur Bugeja quddiem il-Qorti.

Fil-Qorti ntqal li l-ħanut kien għadu magħluq u ma kienx hemm klijenti u għalhekk ma weġġa’ ħadd.

Kuntistabbli tal-Pulizija xehed quddiem il-Qorti li kien irċieva telefonata li kienet seħħet ħabta u l-ewwel informazzjoni li kellu li l-karozza baqgħet dieħel f’dar. Jgħid li meta wasal fuq il-post sab lil Marica Baldacchino – sid il-ħanut – li mill-ewwel qatlu li ma ratx l-inċident iseħħ quddiemha.

Hu jkompli jixhed li imbagħad mar Mater Dei fejn tkellem mas-sewwieq. Aktar tard reġa’ mal-Isptar hekk kif Kuntistabbli ieħor qallu li għandu jsir it-test tal-breathalyzer. 

Waqt is-seduta tat-Tnejn, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, fejn din it-talba sabet oppożizzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni l-aktar minħabba l-gravità tar-reat.

L-Ispettur Bugeja qal li għalkemm b’mod uffiċjali l-imputat jgħix f’San Pawl il-Baħar, u fil-fatt fuq dokumenti uffiċjali u anke fuq l-akkużi tal-Qorti ntuża dan l-indirizz, il-pulizija marru miegħu f’appartament fil-Ħamrun biex jiġbor il-passaport.

Id-difiża mexxija mill-Avukata Francesca Zarb qalet li l-klijent tagħha ilu jgħix f’Malta mill-2008 u s’issa qatt ma wettaq reati. Qalet li hu saħansitra għandu permess ta’ residenza f’pajjiżna.

Id-difiża qalet li l-Qorti qiegħda tisma inċident tat-traffiku u kull meta jkollha każ hekk quddiemha, l-pulizija qatt ma jressqu lill-imputat b’arrest. L-Avukata qalet li jekk il-klijent tagħha jingħata l-ħelsien mill-arrest jew jibqa’ ġewwa, l-ammont ta’ danni li allegatament wettaq mhux se jinbidlu.

Min-naħa tiegħu l-Ispettur Bugeja qal li meta seħħ ħabta normali ma jkunx hemm involut terzi persuni jew jinvolvu danni li jammontaw għal eluf ta’ ewro.

L-Ispettur kompla jgħid li l-imputat hu ta’ periklu għal pubbliku.

Iżda l-Avukata qalet li dawn l-argumenti li qiegħed jgħid l-Ispettur ma jwasslux biex wieħed jibqa’ jinżamm arrestat. Qalet li fl-awla hemm żewġt iħbieb tal-akkużat li wieħed minnhom lest li jżommu għandu. Wieħed minn dawn il-ħbieb qal lill-Qorti li hu ilu f’Malta mill-2006 u ilu jaf lil Ali għal dawn l-aħħar tmien snin.

Il-Qorti staqsiet jekk l-akkużat għandux kont il-bank, u dan biex turi li kienet lesta tagħti l-ħelsien mill-arrest jekk ikun kapaċi jħallas il-garanzija personali.

Wara li ġie stabbilit li Ali m’għandux kont il-bank li lest joffri garanzija personali ta mill-inqas €10,000, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti qalet li qiegħda wkoll tiċħad din it-talba għax m’għandix serħan il-moħħ li l-imputat joqgħod għal kunidzzjonijiet imposti mill-Qorti. 

Il-Maġistrat Victor Axiak ippreseda l-każ. L-Ispetturi Nathan Bugeja u Rachel Aquilina mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukata Francesca Zarb dehret għall-imputat.

L-Avukati Zack Esmail u Kaylie Borg dehru għal parte civile.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport