Monday, March 23, 2026

Grazzi Perit…

minn Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Ma ċedewx, minkejja l-pressjoni kbira reliġjuża u soċjali mill-Knisja Kattolika Maltija. Fejn anke kienet tagħti l-interdett lil dawk li kienu marru xi meeting organizzat mill-Partit Laburista, qraw xi gazzetta jew ivvutaw lil Labour allura dawn jingħataw l-interdett, għax kien qed jagħmel dnub mejjet. 

Din l-ordni mill-Knisja kienet ħarġet sena qabel l-elezzjoni tal-1962 biex tilħaq iddgħajjef kemm tista’ lill-Partit Laburista Malti u lill-partitarji tiegħu. Dawk li jħaddnu l-prinċipji Laburisti spiċċaw jiżżewġu fis-sagristija. Laburisti li jaqraw il-ġurnali tal-partit ma jingħatawx assoluzzjoni u jekk tmut kienu jidfnuk f’dik li kienu jsejħulha l-miżbla. Parti mhux konsagrata miċ-ċimiterju. Frar l-Iswed tal-1962, tlett ijiem ta’ votazzjoni bejn 17, 18 u 19 tal-istess xahar. 

Sodi kontra kull maltemp politiku

Minkejja l-persekuzzjoni politika li l-Laburisti kellhom mill-Knisja Kattolika, xorta ma beżgħux u 51 elf suldat tal-azzar ivvotaw għall-Partit Laburista. Żammew sodi kontra kull maltemp politiku u reliġjuż għax kienu jafu li quddiem Alla għandhom raġun u għax għalihom Malta kienet l-ewwel u qabel kollox.

Minkejja li fl-elezzjoni ta’ Frar l-Iswed il-Partit Nazzjonalista ma kienx ġab maġġoranza ta’ voti anzi kien ġab minoranza ta’ 42 fil-mija tal-voti mitfugħa, xorta gverna u gverna b’mod li jagħmel kemm jista’ jkun ħsara lill-Partit Laburista. Lil-Laburisti offrilhom il-politika tal-emigrazzjoni. Kienu jirraġunaw li aktar ma jemigraw Laburisti iktar għandhom ċans jerbħu l-elezzjoni ta’ wara. B’dan l-isforz kollu li għamlet il-Knisja u b’dawn il-kattiveriji kollha kontra l-Laburisti u l-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista kien ġab 40.21% tal-voti filwaqt li l-Partit Laburista kien ġab 50,974 voti u ġab 33.85% tal-voti.

Madwar 70,000 Malti u Maltija kienu emigraw lejn l-Ingilterra, il-Kanada, l-Istati Uniti, l-Awstralja u xi pajjiżi oħrajn. Il-Gvern Nazzjonalista kien jagħti sponsor lil dawk li jkunu sejrin jitilqu minn Malta biex jagħmlilhom il-kuraġġ u jitilqu. 21 fil-mija tal-popolazzjoni kienet emigrat fil-perjodu ta’ bejn l-1960 u l-1970, l-emigrazzjoni ġiet imrażżna drammatikament mill-Gvern ġdid Laburista li minkejja li kien hemm emigrazzjoni daqshekk qawwija xorta rebaħ l-elezzjoni tal-1971. Il-Partit Laburista rebaħ din l-elezzjoni b’28 siġġu minn 55. Il-Partit Laburista kien ġab 85,448 voti jew 50.8% tal-voti u l-PN kien ġab 80,753 jew 48.1% u ġab 27 siġġu.

Bidu ta’ mixja ġdida għal pajjiżna

Din l-elezzjoni kienet il-bidu ta’ mixja ġdida għal pajjiżna. Bl-iktar negozjatur iebes li qatt rat Malta sa dak iż-żmien fit-tmexxija tal-pajjiż, Malta bdiet il-mixja biex minn bażi militari issir żona ta’ paċi, non-allinjata, indipendenti u ħielsa minn kull rabta militari. 

Il-mexxejja tagħna kienu jridu jibnu Malta ġdida mibnija fuq ix-xogħol u mhux fuq is-serviliżmu lejn frejgati tal-gwerra. Ma ridux li Malta tibqa’ tmut bil-ġuħ fil-paċi u tfur bil-ġid fil-gwerra. Riedu jibnu ekonomija bbażata fuq servizzi li nagħtu ’l bogħod minn dawk li konna nagħtu qabel u nibdew nieklu billi nesportaw prodotti magħmulin Malta, bix-xogħol li jsir fil-fabbriki tagħna, bix-xogħol li jsir fit-tarznari tagħna u bis-servizzi li ngħatu lit-turisti li jiġu jgawdu x-xemx, l-istorja sinjura li għandna u l-karattru uniku li għandna bħala Maltin. Riedu li nsiru ħbieb man-nazzjonijiet kollha u l-Perit kien wieħed mill-ewwel mexxejja tal-Punent li mar iċ-Ċina, għamel ħbieb mal-Għarab, Ewropej, Russi u Amerikani.

Għamel ħbieb u ġab ġid mill-pajjiżi kollha li seta’ jġib ġid minnhom ħalli jibni lil Malta Maltija u li aħna nkunu nistgħu nmexxu lilna nfusna mingħajr ma jkollna għalfejn nerġgħu nitolbu lil barrani jerġa’ jiġi jaħkimna. Ħadd ma kien jemmen li konna sejrin inkunu kapaċi nmexxu lilna nfusna. Anzi, kienu jgħidu li ftit xhur biss iridu jgħaddu wara li jitilqu l-Ingliżi li jkollna għalfejn nerġgħu nitolbuhom jiġu lura biex imexxulna lil pajjiżna.

Min jaf x’kien jiġri minn 

pajjiżna u minn uliedna…

Illum nistgħu napprezzaw iktar minn qatt qabel kemm hija kbira din il-politika li adotta l-Partit Laburista tas-sebgħinijiet. Min jaf x’kien isir minn Malta llum kieku għadna bażi tal-gwerra, minn jaf x’kien jiġri mis-suldati tagħna. Uliedna, neputijiet jew irġiel u nisa tagħna kienu Malta għandha l-armata u hija affiljata ma’ xi pajjiż ieħor li jkollna, irridu jew ma rridux nieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jieħu hu. Mur sabbar lil dik l-omm li jkollha lil uliedha fl-armata u jintalbu biex jingħaqdu ma’ żgħażagħ oħrajn biex jieħdu sehem f’eżerċizzju militari u f’xi gwerra? Mur wennes lil dak il-missier li għadu jħoss l-għafsa ta’ bintu qabel ma rikbet l-ajruplan biex ma’ sħabha s-suldati tkun parti mill-forzi fiż-żoni tal-gwerra.

Liema turist taħsbu li kien jiġi jżur lil Malta kieku konna bażi militari u b’dan il-maltemp politiku u b’dawn il-gwerer kollha għaddejjin madwar id-dinja? Diġà għandna sitwazzjoni li kieku ma kienx il-Partit Laburista bit-tmexxija għaqlija tal-Prim Ministru Robert Abela li kien kontra kull parir tal-oppożizzjoni li baqa’ jżomm il-prezz tal-fuel l-istess kieku diġà qlajna daqqa kbira bil-prezzijiet li splodew fil-qasam internazzjonali fuq il-fuels kollha. Kull litru diesel f’Malta bil-politika ta’ Abela kien 1.21 ewro kull litru u minkejja l-maltemp kollu li kien hemm madwar id-dinja xorta baqa’ 1.21 ewro kull litru, filwaqt li fi Sqallija, 60 kilometru ’l bogħod minn Malta, ftit minuti ’l bogħod bl-ajruplan, il-prezz tad-diesel minn 1.70 kull litru sar 2.00 ewro kull litru.

Gonzi u l-maltemp

Tiftakru lill-Prim Ministru Gonzi jgħidilna: “Tippretendux li jekk fl-Ewropa kollha jkun il-maltemp Malta ħa jkollna l-bnazzi. U li jekk fl-Ewropa kollha jkun ix-xita aħna ma nixorbux.” Id-dinja kollha hemm il-maltemp imma aħna ma aħniex fil-maltemp għax għandna Prim Ministru li għandu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Għalhekk ħadem għal ekonomija b’saħħitha biex ikollna biex insorru u erfajna għal meta tiġi bżonn.

Aħna t-tfal tas-suldati tal-azzar li ma beżgħux minn xejn u minn ħadd, Malta reġgħet qiegħda ssejħilna biex għal darba oħra nkunu protagonisti u mhux spettaturi. L-ispirtu ta’ missirijietna ma jmut qatt, għadu jiġri ġewwa l-vini tagħna għax aħna nemmnu li demmna jibqa’ jiġri sħun u qalbna tibqa’ tħabbat għal Malta u Għawdex tagħna li tant inħobbu u ngħożżu. 

Għalhekk għandna ninżlu fuq il-monument tal-ħelsien biex flimkien nagħtu qima lil dawk kollha li biegħtu għalina u biex nerġgħu ngeddu t-twemmin tagħna ta’ mħabba ta’ vera lejn din Malta li tatna isimha.

Sliem

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport