Monday, April 22, 2024

GRAZZI SILVIO 

Aqra wkoll

Kienu jkunu saru aktar mis-7.00 ta’ filgħaxija. Dejjem l-istess ġurnata is-Sibt. Iċċempel nanna minn Raħal il-Ġdid. Titkellem fuq il-problema kbira li kellha biex titma’ lin-neputijiet minħabba ċirkostanzi li kienet spiċċat fihom il-familja ta’ binha. Kienet tiftaħ qalbha. Iċċempel fl-uffiċċju tagħna titlob l-għajnuna. Kienet tkun qalba maqsuma li m’għandhiex biex tixtri ikel lin-neputijiet. Wegħdtha li ngħinuha.  Moħħi dak iż-żmien mill-ewwel kien mar fuq Silvio Parnis. Kont nafu sew u spiss konna nitkellmu. Silvio lanqas ilħaqt ċempiltlu u għedtlu bil-problema qalli tiha in-numru tiegħi ħa ċċempilli. Minn hemm ‘l quddiem kienet iċċempel biex tgħidilna grazzi ta’ kemm kien qed jgħinha Silvio. Għajnuna li biha temgħet lin-neputijiet tagħha. Għajnuna li damet għaddejja, sakemm dawn in-neputijiet baqgħu jgħixu magħha.  Dak kien Silvio Parnis.

Silvio, kull min jafu sew u anke min ma jafux sew, hu konxju ta’ kemm kien lest li jgħin lin-nies. Silvio kellu l-kariżma.  Kien il-bniedem li jagħmel minn kollox biex jgħin lil hu batut fejn jidħol mard, problemi finanzjarji u ħafna aktar. Silvio kien jgħin fis-skiet. Mingħajr daqq ta’ trombi.  Kien imfittex minn nies. Kien imfittex għax kien jgħin u kien jagħmel minn kollox biex itaffi fejn jista’ tbatija li jkunu għaddejjin minnha dawk li marru talbuh l-għajnuna. Ħidma mifruxa fuq snin twal. 

Silvio kien politiku li fih tispikka is-sinċerità. Ma kienx jara aħmar jew blu fejn jidħlu nies vulnerabbli. Hu kien jara fihom biss il-vulnerabbilità u l-bżonn li jgħin. Ir-rispett lejh kien ġej minn kullimkien. 

Silvio jispikka għax ma kienx wieħed minn dawk li kibritlu rasu bil-popolarità. Kien popolari ferm fid-distrett tiegħu imma mhux biss. Minkejja dan baqa’ man-nies. Baqa’ jkun ta’ sostenn għall-batut u għal min hu fil-bżonn. 

Is-sostenn tiegħu ma kienx ikun biss materjali. Li jisimgħek waqt li tiftaħ qalbek. Jibqa’ jisimgħek anki waqt il-biki. Ikellmek. Ifarraġ. Din kienet xi ħaġa li Silvio kien jagħmilha kontinwament. Għalhekk in-nies inġibdet lejh u baqgħet qribu.

Baqgħet qribu mhux għax għenha biss, imma għax kienet taf qalbu fejn hi. Kienet taf u tħoss li dak li qed jagħmel qed jagħmlu minn qalbu.  Ma kinitx sorpriża t-tislima kbira li ngħata nhar il-Ġimgħa filgħodu u b’kummenti li inkitbu wara l-mewt tiegħu. 

F’ħajtu b’mod partikolari fil-ħajja politika, Silvio sofra ukoll. Kien vittma ta’ qlajjiet. Xi drabi spiċċa ukoll imżeblaħ. Weġġa’ wkoll. Minkejja dan qatt ma kont tisimgħu jitkellem b’mod dispreġjattiv jew jattakka lil min aġixxa hekk fil-konfront tiegħu. Din hi tagħlima għalina ilkoll. 

Kien spjegahieli meta wara intervista, qbadniha fuq dawn l-episodji. Kien qalli kliem fis-sens li mhux se noqgħod ninħela nwieġeb li min jattakkani. Inħallihom ħa jattakkawni. Il-ħin nużawh biex inservu lin-nies li għandhom bżonn. Kien qalli li inweġġa għax jien uman. Imma nibqa’ għaddej għax is-sodisfazzjon qiegħed li tara bniedem li jkun imkisser jew mal-art u beda jqum bil-mod il-mod biex jibni ħajtu mill-ġdid.

M’hemm ebda dubju li Silvio hu l-politiku tan-nies. Politiku li kien tan-nies u li dak li għamel wettqu mingħajr qatt ma stenna xejn lura. Grazzi Silvio.

Sport