“Riċentement irċevejt ħafna messaġġi ta’ mħabba u l-aktar li laqgħtuni kienu ittri u tpinġijiet minn tfal. Grazzi ħafna talli kontu viċin tiegħi kif ukoll għat-talb u l-inkoraġġiment li rċevejt minn madwar id-dinja kollha”.
Dan kien il-messaġġ li tella’ l-Papa Franġisku din il-ġimgħa onlajn wara li sar magħruf li l-kundizzjoni ta’ saħtu qalbet ftit għall-aħjar. Huwa li ġie rikoverat fl-Isptar Gemelli f’Ruma minħabba problemi serji f’saħtu b’mod partikolari problemi fil-funzjoni tal-pulmun, fl-ewwel ġranet kien stqarr huwa stess li ma jaħsibx li din id-darba se jkun jiflaħ għaliha.
Tant kien hemm biża’ li l-Pontefiċe jħallina li huwa stess għadda messaġġ partikolari “għal li jista’ jkun” fejn ħeġġeġ lill-membri tal-Kleru tal-Knisja Kattolika biex ikomplu l-appostolat tagħhom b’ferħ u biex ikunu xempju ta’ mħabba u biex jilqgħu lil kulħadd “u dan kif tgħidilna wkoll il-Kelma t’Alla. J’alla nbiddlu l-ħażen fi tjubija u nibnu dinja fraterna. Tibżgħux tieħdu riskji għall-imħabba”.
Snin jissielet problemi tas-saħħa…
Fl-14 ta’ Frar il-Papa Franġisku ttieħed l-isptar wara li kellu diffikultajiet biex jieħu n-nifs. Hawn huwa ġie djanjostikat b’infezzjoni fil-passaġġi respiratorji, pnewmonja fiż-żewġ naħat tal-pulmun u insuffiċjenza ħafifa tal-kliewi. Il-Kap tal-Knisja Kattolika Rumana, li llum għandu 88 sena, ilu għal dawn l-aħħar snin jissielet problemi tas-saħħa tant li ħafna mill-iskariġġi li r-rwol tiegħu jirrikjedi, kien qiegħed jagħmilhom bl-għajnuna ta’ siġġu tar-roti.
Ta’ kuljum il-Vatikan qiegħed jagħti aġġornament dwar saħħet il-Papa Franġisku. L-uffiċċju stampa tal-Vatikan nhar it-Tlieta li għadda ta l-aħbar sabiħa li l-Papa qaleb ftit għall-aħjar iżda l-kundizzjoni ta’ saħħtu kienet għada kritika. F’aġġornament ieħor ħabbar aktar titjieb iżda ġie enfasizzat li “għadd hemm kumplikazzjonijiet” u wara “għad hemm bżonn ta’ aktar kura biex tkun riżolta l-prognjożi”.
Talb minn kull rokna tad-dinja
F’dan il-perjodu ta’ rikoveru t-talb għal saħħet il-Pontefiċe intensifikaw minn kull rokna tad-dinja. Żgħażagħ, familji, patrijiet, sorijiet u kardinali li jgħixu f’Ruma, flimkien ma’ kapijiet ta’ dekasteri u membri tal-Kurja Rumana wkoll ingħaqdu f’dan it-talb. It-talb għall-Papa sar ukoll quddiem l-isptar Gemelli bin-nies jixgħelu x-xemgħat, kif ukoll fl-Arġentina fejn twieled u minn Gaza fejn anke kitbu ittra lill-Papa Franġisku biex juruh li jinsab fil-ħsibijiet u t-talb tagħhom. Dan il-ħafna talb huwa apprezzat ferm mis-Santità tiegħu li f’dawn il-ġranet sirna nafu li diġà beda jaħdem mill-kamra speċjali li għandu fl-10 sular tal-isptar Gemelli.
Matul din il-ġimgħa l-Papa qam mis-sodda u anke qiegħed jirċievi l-ewkaristija waqt ħidma ħafifa mgħejjun mill-uffiċjali tiegħu fosthom is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan il-Kardinal Parolin u l-Arċisqof Edgar Pena. Huwa rrapportat li l-Papa approva digrieti ta’ ħames persuni għall-beatifikazzjoni u żewġ qaddisin ġodda. Barra minnhekk il-Vatikan ħabbar li l-Papa Franġisku ħatar numru ta’ isqfijiet għall-Brażil, arċisqof ġdid għal Vancouver u għamel xi tibdil fil-liġi biex l-istat tal-Vatikan joħloq ġerarkija ġdida.
L-Erbgħa li għadda l-Vatikan ħabbar ukoll li l-Papa Franġisu ħoloq inizjattiva ġdida għal ġbir ta’ fondi biex jinkoraġixxi li jsiru donazzjonijiet għas-Santa Sede li għall dawn l-aħħar snin jingħad li qiegħda fi kriżi finanzjarja. Dan huwa ftit mix-xogħol li qiegħed jagħmel il-Papa preżenti huwa u jkompli l-kura fl-isptar. Minkejja l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu naraw kemm fil-verità, minkejja l-isfidi li qiegħed jiffaċċja, it-tmexxija tal-Vatikan għadha f’idejn il-Papa Franġisku.
Mistoqsija awtomatika… X’jiġri meta Papa jimrad?
Mistoqsija li tiġi awtomatika f’ċirkostanzi bħal dawn hija – x’jiġri meta Papa jimrad? Il-liġi kanonika għandha dispożizzjonijiet għal meta isqof jimrad u ma jkunx jista’ jmexxi d-djoċesi tiegħu iżda, fejn jidħol il-Papa, m’hemmx. Il-liġi Kanonika 412 tgħid li djoċesi tista’ tiġi ddikjarata “imfixkla” jekk l-isqof tagħha, minħabba raġunijiet validi fosthom tkeċċija, eżilju jew inkapaċità, ma jistax jaqdi l-funzjonijiet pastorali tiegħu. F’każi bħal dawn it-tmexxija ta’ kuljum tad-djoċesi tingħata f’idejn isqof awżiljarju, vigarju ġenerali jew xi ħadd ieħor.
Għalkemm Franġisku huwa l-Isqof ta’ Ruma jirriżulta li ma teżisti l-ebda dispożizzjoni espliċita għall-Papa jekk bl-istess mod ma jkunx jista’ jmexxi. Huwa ddikjarat sempliċement (Kanonku 355) li meta s-Santa Sede tkun “vakanti jew imfixkla għal kollox,” xejn ma jista’ jinbidel fit-tmexxija tal-Knisja. Imma, mhuwiex speċifikat eżatt xi tfisser li s-Santa Sede tkun “imfixkla għal kollox” jew x’dispożizzjonijiet jistgħu jidħlu fis-seħħ jekk qatt ikun il-każ.
Fl-2021 tim ta’ avukati kanoniċi pproponew normi biex jimlew dak il-vojt leġiżlattiv. Huma ħolqu inizjattiva ta’ crowdsourcing kanoniku biex ifasslu liġi ġdida tal-Knisja li tirregola l-kariga ta’ Papa rtirat kif ukoll normi li għandhom japplikaw meta Papa ma jkunx jista’ jiggverna jew b’mod temporanju jew inkella b’mod permanenti.
In-normi proposti jispjegaw kif bl-avvanzi tal-mediċina huwa probabbli li f’xi ħin Papa jkun ħaj iżda ma jkunx jista’ jmexxi l-Knisja. Hemm l-argument li l-Knisja għandha tipprovdi għad-dikjarazzjoni ta’ “sede totalment impedita” u t-trasferiment tal-poter għall-fini tal-unità tagħha stess.
Taħt in-normi proposti, it-tmexxija universali tal-Knisja tgħaddi għand il-Kulleġġ tal-Kardinali. F’każ ta’ impediment temporanju tissejjaħ kummissjoni biex tiggverna b’kontrolli mediċi perjodiċi kull sitt xhur biex ikun determinat l-istatut ta’ saħħet il-Papa.
Ta’ min jinnota li fl-2022, ftit wara li ġie elett bħala l-Papa ġdid, Franġisku kien kiteb ittra tar-riżenja li tidħol fis-seħħ jekk jimrad serjament b’konsegwenza li ma jkunx jista’ jifffunzjona sew fir-rwol tiegħu. L-ittra mhiex pubblika iżda għaddiet fil-pussess tal-Kardinal Tarcisio Bertone. Huwa mifhum li meta dan irtira, għaddiha fl-uffiċċju ta’ Parolin. Din l-ittra hija meqjusa valida fil-liġi Kanonika.
Fil-kurriduri tal-Vatikan … Kampanja għal Papa ġdid konservattiv
Il-biża’ u l-possibbiltà li jew jirriżenja jew imut il-Papa Franġisku kienet u għadha, waħda reali. Dan kemm minħabba l-età avvanzata tiegħu, kif ukoll minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu li f’dawn il-ġranet ħadet daqqa oħra ‘l isfel. “Conclave”, li huwa ktieb adattat għal ktieb ieħor bl-istess isem mill-awtur ċelebri tal-Istorja, Robert Harris, għadu kemm rebaħ erba’ premjijiet Bafta. Issa, bil-Pontefiċe marid sew, l-attenzjoni qiegħda ddur fuq min se jintgħażel biex ikun is-suċċessur tiegħu.
Minn mindu ġie elett 12-il sena ilu, il-kritiċi tal-Papa Franġisku ddeskrivewh bħala l-“woke Pope” għad-dikjarazzjonijiet relattivament progressivi li għamel kif ukoll għall-għażla ta’ temi li jitkellem dwarhom. Dawn jinkludu r-relazzjonijiet bejn koppji tal-istess sess u s-suġġett tal-immigranti. Fil-fatt, diġà hemm għajdut dwar kampanja li qiegħda ssir biex ikun żgurat li s-suċċessur tiegħu minflok, ikun Papa konservattiv.
Rapporti fil-midja barranija indikaw li fil-kurriduri tal-Vatikan qiegħda tissemma’ elezzjoni għal Papa ġdid u li hemm “battalja” għaddejja bejn il-konservattivi u l-progressivi.
X’jiġri f’każ li Papa jirriżenja jew imut?
L-uniku darba li l-poter papali jibdel l-idejn huwa meta Papa jmut jew jirriżenja. F’dak iż-żmien tidħol fis-seħħ sensiela sħiħa ta’ riti u ritwali li jirregolaw l-“interregnum”, il-perjodu bejn it-tmiem ta’ pontifikat wieħed u l-elezzjoni ta’ Papa ġdid.
Matul dan il-perjodu, magħruf bħala “sede vacante,” jew “sede vojta”, il-camerlengo jew chamberlain, imexxi l-amministrazzjoni u l-finanzi tas-Santa Sede. Hawn tkun iċċertifikata l-mewt tal-Papa, ikun issiġillat l-appartamenti papali u jsiru l-preparamenti għad-difna tal-Pontefiċe qabel konklavi biex jeleġġi Papa ġdid. Il-kariga bħalissa hija miżmuma mill-Kardinal Kevin Farrell, il-kap tal-uffiċċju tal-lajċi tal-Vatikan. Il-camerlengo m’għandu ebda rwol jew dmirijiet jekk il-Papa jkun sempliċement marid jew inkapaċitat b’xi mod ieħor.
Bl-istess mod, id-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, li jippresjedi funeral papali u jorganizza l-konklavi, m’għandu l-ebda rwol addizzjonali jekk il-Papa jkun sempliċement marid. Bħalissa din il-kariga hija f’idejn il-Kardinal Taljan, Giovanni Battista Re.
Iktar kmieni dan ix-xahar il-Papa Franġisku, aktar milli jagħmel post għal xi ħadd ġdid, iddeċieda li jżomm lil Re fuq ix-xogħol anke wara li skada l-mandat tiegħu ta’ ħames snin. Huwa estenda wkoll il-mandat tal-viċi-dekan, il-Kardinal Arġentin Leonardo Sandri.
Papa li qiegħed ikompli jżomm kuntatt
Fl-aktar messaġġ riċenti li tella’ fuq il-pjattaforma X, il-Papa Franġisku tkellem dwar żmien ir-Randan, fejn spjega li, “din is-sena huwa aktar speċjali għax fis-Sena tal-Ġublew. Nixtieq noffri għadd ta’ riflessjonijiet dwar xi jfisser li nagħmlu l-vjaġġ flimkien f’tama u niskopru t-triq tal-konverżjoni li l-ħniena t’Alla tindirizza lil kull wieħed u waħda minna”.
Tul is-sede tiegħu, il-Papa Franġisku dejjem saħaq fuq l-imħabba, l-għaqda u l-paċi. F’dawn l-aħħar jiem qiegħed ikompli jisħaq fuq l-importanza li d-dinja tingħaqad fi fraternità u qiegħed jagħmel dan għax bħala l-Kap tal-Knisja Kattolika Rumana huwa d-dover tiegħu li jifrex dan il-messaġġ bżonnjuż fid-dinja turbolenti li qegħdin ngħixu fiha bħalissa.