Waqt l-indirizz politiku tiegħu minn Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li partit immexxi minnu mhuwiex se baħħar tal-bnazzi. Grech ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-bandiera bajda ħamra biex ikomplu jwasslu l-messaġġ tagħhom li huma mxebbgħin u jridu jaraw id-differenza. Huwa qal li fil-folla li kien hemm quddiem kien ċert li kellu persuni li fl-2013 u fl-2017 ivvutaw lill-Partit Laburista li bilmod qegħdin jerġgħu lura biex jafdaw lill-Partit Nazzjonalista.
Huwa stieden lil dawk li minħabba xi raġuni għadhom qegħdin jaħbu wiċċhom, biex ikomplu joħorġu għax aktar kemm tiżdied il-folla, akbar ikun il-kuraġġ tiegħu.
Grech sellem lill-eks mexxej tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami u qal li dan ġab bidla b’tim formidabbli li kellu mdawwar madwaru.
Huwa tenna li kull kap li kellu l-Partit Nazzjonalista dejjem bena fuq il-kapijiet ta’ qablu u hekk kien għamel l-istess Eddie filwaqt li għolla lil pajjiżna bil-ħolma tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li waħdu ma jistax iġib il-bidla, iżda bil-fiduċja li ngħata biex imexxi l-partit, konvint li jekk kulħadd jaqbad il-moqdief, din id-dgħajsa tista’ tasal fil-port.
Grech stieden lil dawk li mhumiex jaraw id-dawl fit-tarf tal-mina biex jemmnu fihom infushom, jemmnu f’ħuthom Maltin u fuq kollox jemmnu fil-Partit Nazzjonalista. Wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed hemm biex jagħti ħajja aħjar li tagħti l-opportunitajiet biex l-poplu jkollu l-għażla li jaħdem il-Ħadd u mhux għax m’għandux għażla oħra.
F’diskors isteriku u mimli attakki ta’ mibegħda, Grech qal li l-Prim Ministru spiċċa dahru mal-ħajt u kien għalhekk ħabbar il-fond ta’ €70 miljun bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni.
Huwa żied jgħid li minkejja dan, in-nies jafu li l-Prim Ministru m’għandux l-istamina biex imexxi u li mhuwiex qiegħed ikun hemm għall-familji. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li f’sena u erba’ xhur kemm ilu Kap, il-Prim Ministru qatt ma’ aċċetta li jiddibatti miegħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-festi, indirizza lill-Pawlini u għamlilhom il-kuraġġ biex fil-mument li pajjiżna jingħata l-futur li jixraqlu jkunu jistgħu jiċċelebraw il-festa mill-ġdid.
“Agħmlu kuraġġ għeżież, jien irrid narakom timxu ’l quddiem, aħna rridu li intkom tirnexxu għax magħkom jimxi dan il-pajjiż ’il quddiem”, tenna Grech.